Aġenti tas-servizzi sigrieti fl-Istati Uniti qed ifittxu l-persuna jew persuni li setgħu bagħatu envelopp mimli bi trab abjad li kien indirizzat lil Donald Trump Jr, l-iben il-kbir tal-President Amerikan, Donald Trump, u li nfetaħ mill-mara ta’ Trump Jr, Vanessa.
Vanessa Trump, dritt wara, ittieħdet l-isptar bħala prekawzjoni fejn sarulha l-eżamijiet mediċi u bit-tobba, wara, jikkonfermaw li hi ma dehritx fiżikament affettwata mis-sustanza li kien hemm fl-envelopp.
Intant, Vanessa Trump u żewġ persuni oħra li kienu qribha meta hi fetħet l-envelopp ġol-appartament tagħha u ta’ żewġha, f’Manhattan, kellhom jgħaddu minn proċess ta’ dekontaminazzjoni. Madankollu kelliema għad-Dipartiment tal-Pulizija ta’ New York qalu li wara t-testijiet fuq it-trab abjad (fl-envelopp) sar magħruf li dan ma kienx ta’ tip perikoluż.
Donald Trump Jr., fl-aħħar sigħat, ikkonferma li l-familja tiegħu tinsab qawwija sħiħa waqt li qal li ‘jħossu diżgustat dwar dak li seħħ’.
L-appartament tiegħu u ta’ martu wkoll kellu jkun suġġett għal proċess ta’ dekontaminazzjoni, bil-President Amerikan jikkuntattja lil Vanessa Trump malli hu sar jaf bl-iżviluppi.
Donald Trump Jr., li jaħdem fin-negozju ta’ missieru, kien iżżewweġ lil Vanessa – eksmudella tal-moda fi New York — f’Novembru tal-2005, biż-żwieġ isir fir-resort ta’ Mar-a-Lago tal-President Amerikan, fi Florida.
//= $special ?>

