Il-Qorti Kostituzzjonali għandha tiddeċiedi fi żmien ġimgħatejn dwar talba biex dokumenti li kienu esibiti f’kawża oħra għandhom ikunu skartati.
Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon qed tisma’ l-kawża Kostituzzjonali miftuħa mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, dwar ksur tad-dritt għal smiegħ xieraq.
Dan wara li l-Imħallef Antonio Mizzi irrifjuta li jirrekuża milli jisma’ l-appell imressaq minn seba’ persuni, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, kontra id-digriet tal-Maġistrat Ian Farrugia li kien sab li hemm biżżejjed provi biex issir inkjesta kriminali fuq persuni li jissemmew fl-iskandlu tal-Panama Papers.
Il-Persuni msemmija fl-inkjesta huma l-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, il-Ministru Konrad Mizzi, Brian Tonna u Karl Cini minn Nexia BT, Malcolm Scerri, sieħeb fin-negozju ma’ Keith Schembri u Adrian Hillman, l-eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers.
Simon Busuttil kien talab ir-rekuża tal-Imħallef Mizzi minħabba li hu miżżewweġ lill-Ewroparlamentari Marlene Mizzi li għaddiet diversi kummenti politiċi dwar l-iskandlu ta’ Panama Papers. Dan skont il-prinċipju li l-ġustizzja mhux biss issir imma tidher li għandha ssir.
Fis-seduta tal-lum, l-Avukati tal-appellanti sostnew li l-argumenti li saru u d-dokumenti li kienu preżentati quddiem l-Imħallef Mizzi m’humiex ammissibbli għaliex dawn jagħmlu parti minn inkjesta li hi sigrieta.
Dan kien kontestat mill-Avukat Jason Azzopardi li qed jidher għal Simon Busuttil, fejn sostna li l-parti l-oħra qed tħawwad apposta bejn dak li hu ammissibbli u dak li hu rilevanti.
Hu qal li fost id-dokumenti li l-avukati tal-appellanti iridu li jiġu skartati hemm traskrizzjoni ta’ diversi dikjarazzjonijiet tal-Imħallef Mizzi jgħid li jdejjquh ħafna argumenti dwar ir-rekuża tiegħu.
Dokument ieħor li l-avukati jridu li jiġi skartat hu fejn Simon Busuttil qed jiġi rikonoxxut li għandu interess ġuridiku fil-kawża, filwaqt li rapporti tal-kummenti ta’ Marlene Mizzi fil-Parlament huma essenzjali għaliex fuqhom tistrieħ il-kawża kollha dwar il-prinċipju legali li l-ġustizzja mhux biss issir imma li tidher li qed issir.
Id-deċiżjoni mill-Qorti mistennija tingħata fis-27 ta’ Frar.
L-Avukati Mark Vassallo, Aaron Mifsud Bonnici u Pawlu Lia qed jidhru għas-seba’ appellanti filwaqt li l-Avukat Jason Azzopardi qed jassisti lil Simon Busuttil.
//= $special ?>