Internazzjonali

L-Afrika t’Isfel: Il-President Zuma mitlub jirriżenja

 

Il-Kungress Nazzjonali Afrikan (ANC) li għandu l-poter fl-Afrika t’Isfel talab formalment lill-President tal-Istat, Jacob Zuma, biex jirriżenja mill-kariga fl-aħjar interessi ta’ pajjiżu. Iżda minkejja d-deċiżjoni tal-ogħla Uffiċjali tal-ANC biex ‘jirtiraw lil Zuma b’urġenza’, il-President Afrikan baqa’ granfat xorta mal-poter.

Intant Jacob Zuma mistenni jwieġeb għada għat-talba biex hu iwarrab mill-Presidenza tal-Afrika t’Isfel. Ir-rapporti, fl-istess ħin, qalu li Zuma, li ilu fil-poter mill-2009, ‘diġà qal li lest li jwarrab mill-poter bejn tlieta u sitt xhur oħra’. Dan meta hu ilu ż-żmien fiċ-ċentru ta’ diversi allegazzjonijiet dwar il-korruzzjoni.

F’każ li Zuma, li għandu 75 sena, jirrifjuta li jitlaq, hu għandu jiffaċċja vot ta’ sfiduċja fil-Parlament li mistenni li jitlef.

Jacob Zuma ilu  minn Diċembru jirreżisti s-sejħiet biex jirriżenja minn President ta’ pajjiżu, u meta Cyril Ramaphosa ħadlu postu bħala l-Kap tal-ANC.

L-ANC hu determinat li juri titjib fuq l-aħħar disfatta li sofra fl-elezzjonijiet lokali tal-2016 fejn kien rebaħ l-anqas ammont ta’ voti mindu assuma l-poter fil-pajjiż taħt l-eksmexxej Nelson Mandela, fl-1994. Dan meta l-ANC irid juri ‘wiċċ ġdid’ lill-elettorat qabel l-elezzjoni ġenerali tas-sena d-dieħla.