Lokali

L-ICIJ se jippubblikaw informazzjoni dwar ir-Reġistru tal-Kumpaniji tal-MFSA

Il-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi mistenni jippubblika diversi dettalji tar-Reġistru tal-Kumpaniji li jinżamm mill-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji.

Il-ġurnal Times of Malta – li hu msieħeb mal-ICIJ – jirrapporta li dawn id-dettalji se jiżdiedu mad-database tagħhom imlaqqma Paradise Papers. Id-data dwar il-kumpaniji reġistrati f’Malta tasal sal-aħħar tal-2016.

Ir-Reġistru tal-Kumpaniji tal-MFSA hu wieħed miftuħ għal kull min jirreġistra mal-awtorita’. Madanakollu, mhux possibbli li wieħed ifittex ir-reġistru skont l-isem tad-direttur jew azzjonist.

Mill-leaks tal-Paradise Papers li ħarġu s-sena li għaddiet, kien żvelat li diversi personalitajiet internazzjonali fid-dinja tal-isport u l-ispettaklu kellhom kumpaniji f’Malta. Dawn jinkludu fost oħrajn iċ-Champion tad-Dinja tal-Formula Wieħed Lewis Hamilton u kantanti bħal Bono tal-Grupp U2 u Shakira.

Dawn jirreġistraw kumpaniji f’Malta sabiex jibbenefikaw minn vantaġġji kbar fejn tidħol tassazzjoni.

Ir-Raba’ Direttiva tal-Unjoni Ewropea kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu tpoġġi iktar responsabilta’ fuq l-operaturi sabiex jagħmlu skrutinju fuq klijenti prospettivi u skrutinju iktar rigoruż fejn jidħlu persuni li huma politiċi jew qrib ta’ politiċi, magħrufa bħala PEP’s.

Barraminhekk, id-Direttiva introduċiet ukoll l-obbligu li jkun reġistru ta’ sidien jew benefiċjarji ta’ diversi strutturi fosthom, kumpaniji, trusts, fondazzjonijiet u assoċjazzjonijiet.

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kumpaniji, dan ir-reġistru se jkun aċċessibbli għal awtoritajiet finanzjarji regolatorji, professjonisti fil-qadi tal-obbligi tagħhom ta’ skrutinju, u persuni li għandhom interess leġittimu. Dan l-interess leġittimu jinkludi individwi u organizzazzjonijiet, fosthom ġurnalisti u ngo’s, li għandhom interess li jiġġieldu l-ħasil tal-flus.

Id-Direttiva kienet daħlet fis-seħħ f’Mejju tal-2015 u l-Istati Membri kellhom ċans biex idaħħluha fil-liġijiet nazzjonali sa Ġunju tal-2017.

Malta daħħlet fis-seħħ id-Direttiva f’Diċembru li għadda permezz ta’ erba’ Avviżi Legali. Ir-Reġistru tas-Sidien tal-Kumpaniji kif imfisser fid-Direttiva, se jidħol fis-seħħ fl-Ewwel ta’ April li ġej.