Lokali

Qasam Industrijali ta’ Bulebel: Il-Gvern qed imur kontra l-iSPED – PN

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern sabiex ibiddel id-deċiżjoni tiegħu, li l-estensjoni tal-qasam industrijali ta’ Bulebel u jeqred 120,000 metru kwadru ta’ art b’valur agrikolu, storiku u bijoloġiku.  Fi stqarrija, il-PN qal li d-deċiżjoni tal-Gvern se tkun qed tfisser telfa għall-bdiewa li jaħdmu din l-art u telfa għall-komunità taż-Żejtun. Dan huwa kontra dak mitlub mill-policy document tal-Gvern stess, l-ISPED,  kif ukoll kontra dak mitlub mill-pjan lokali. Jason Azzopardi, Kelliem għall-Ambjent, Marthese Portelli, Kelliema għall-Proġetti Kapitali u Edwin Vassallo, Kelliem għas-Self-Employed qalu li Joseph Muscat mhux jgħid il-verità kollha meta jgħid biss li din l-art hija identifikata għall-iżvilupp industrijali, u jieqaf hemm.

Huma fakkru li l-iSPED jitlob studju fuq din l-art agrikola, qabel ma’ din tingħata għall-izvilupp:

·      Rural Objective 1 ta’ l-iSPED tgħid ċar u tond li art agrikola tajba għandha tiġi protetta milli tiġi żviluppata.

·      Rural Objective 2 ta’ l-iSPED tgħid ukoll li fejn l-iżvilupp ma jistax isir post ieħor għajr f’postijiet rurali, wieħed għandu jagħżel post li huwa diġà identifikat bħala area of containment, jew li diġà kien żviluppat qabel, jew li diġà għandu bini fuqu u dan filwaqt illi dan l-iżvilupp propost irid itejjeb l-ambjent rurali.

Barra minn dan, il-pjan lokali għan-Nofsinhar ta’ Malta jiddikjara li din l-art agrikola hija identifikata bħala ta’ valur agrikolu għoli u tesiġi li qabel jsir l-istudju, qabel ma jkun hemm permess għal kwalunkwe żvilupp industrijali.

L-Istqarrija tkompli li l-Partit Nazzjonalista jemmen fl-izvilupp sostenibbli u allura jitlob lill-Prim Ministru, l-Ministru għall-Ambjent u l-Ministru għall-Ippjanar:

1.         Jikkonfermaw minnufih jekk sarx dan l-istudju mitlub mil-liġi li jiġġustifika l-iżvilupp.

2.         Minnufih jippubblikaw l-istudju, jekk sar.

3.         Minnufih jgħidu min għamel l-istudju.

4.         Jispjegaw għaliex il-Prim Ministru qatt m’għamel referenza għal dan l-obbligu legali li jsir l-istudju li jiddetermina l-valur agrikolu tar-raba’.

5.         Jgħidu x’laqgħat kellu l-Ministru għall-Ambjent mal-bdiewa li jaħdmu din ir-raba’.

6.         Jgħidu min huma l-kumpaniji li jridu li l-fabbriki tagħhom tkun flok ir-raba’, u biex jikkonfermaw jekk hemmx waħda minnhom indikata diġà għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali.