Lokali

RITRATTI: Spontanjetà fil-Karnival tradizzjonali Għaxqi

Minkejja t-temp u b’ħalbiet tax-xita iżolati matul il-ġurnata, it-Tnejn filgħaxija sar il-karnival spontanju ta’ Ħal Għaxaq.

Karnival li kull ma jmur qed jikber fil-popolarità u fih jispikka l-element spontanju. Dan il-karnival hu wieħed mill-eqdem tradizzjonijiet ta’ dan il-lokal.

L-għeruq tal-Karnival Għaxqi jmur lura aktar minn 100 sena u ntiret minn ġenerazzjoni għal oħra. Huwa magħruf l-aktar għall-brijju, is-spontanjetà, il-makabrità u l-misteri li jġib miegħu.

It-Tnejn filgħaxija spikkaw diversi karattri, fosthom il-familja Rjali, flixkun tal-ħalib, kostum magħmul mill-ħbula u saħansitra spikka vapur tal-Pirati. Fil-karnival ħadu sehem ukoll refuġjati li jgħixu mal-komunita’ Għaxqija.

Il-Karnival Għaxqi jibqa’ sejjer sat-13 ta’ Frar 2018 mis-19:30pm ‘il quddiem fil-pjażża ewlenija ta’ Ħal Għaxaq.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġna Facebook: https://www.facebook.com/KarnivalGhaxqi/