Beda l-ġuri tat-tfajla adolexxenti Palestinjana li, f’Diċembru, inqabdet fuq film hi u ssawwat lil suldat Iżraeljan. Il-proċess qiegħed isir quddiem qorti militari tal-Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent, bil-każ polemikuż qed jifred sew lill-opinjoni pubblika.
Ahed Tamimi, li għandha 17-il sena, qed tkun akkużata bi 12-il reat, fosthom l-aggrediment ta’ membri tal-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani u dwar inċitament għall-vjolenza. Jekk tinstab ħati, hi tista’ teħel sentenza twila ta’ ħabs.
Għall-Palestinjani, it-tfajla hi simbolu tar-reżistenza għall-okkupazzjoni ta’ arthom mill-Iżraeljani, b’tal-aħħar iqisuha bħala ‘persuna vjolenti li trid tqajjem l-inkwiet waqt li tfittex il-pubbliċità’. Dan wara li Tamimi nqabdet fuq il-filmat qed tgħajjat ma’ żewġ suldati Iżraeljani u timbuttahom f’Nabi Saleh (fix-Xatt tal-Punent) waqt l-inċident tal-15 ta’ Diċembru. Fil-filmat hi tidher qed tagħti bis-sieq lil suldat hi u ssawwtu fuq wiċċu.
Intant, il-grupp Amnesty International sejjaħ għall-ħelsien ta’ Tamimi fejn akkuża lill-Iżrael dwar ‘it-trattament diskriminatorju tat-tfal Palestinjani’.
//= $special ?>

