Lokali Parlament

“Dan il-Gvern ħela 5 snin mill-ħidma fuq is-Saħħa Mentali” – Mario Galea

Id-deputat Nazzjonalista Mario Galea jindirizza s-Saħħa Mentali fil-Parlament

Fid-diskors tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Mario Galea qal li hemm bżonn li l-qasam tas-Saħħa Mentali jingħata aktar importanza. Hu għal qalbu dan is-suġġett minħabba li l-professjoni tiegħu, minħabba li kien jaħdem f’dan is-settur meta kien jifforma parti mill-Gvern Nazzjonalsita, u jqis ruħu wkoll bħala klijent ta’ dan is-settur. Mario Galea qal li hu jirċievi numru ta’ komunikazzjonijiet minn nies li jbatu b’saħħa mentali, u huma dawn in-nies li jkellmuh li jagħtuh dan il-kuraġġ li jibqa’ jitkellem. Id-deputat Nazzjonalista kwota d-definizzjoni tal-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Semma’ li dan il-mard mentali jista’ jmiss lil kulħadd.

Mario Galea stqarr li l-Gvern m’għandu l-ebda ħin x’jaħli biex jaħdem fuq is-Saħħa Mentali – u m’hemmx għalfejn jistenna lil Barts biex jagħmel pjan. Stieden lill-Gvern sabiex jaħdem mal-Maltin.

Mario Galea qal li hu ħela ħames snin fejn tidħol saħħa mentali. Semma’ kif sibna l-flus għal Cafe Premier, flus għal Gaffarena, u numru ta’ skandli oħra – iżda għalfejn m’hemmx flus għas-Saħħa Mentali? Id-deputat qal li meta kien Segretarju Parlamentari kien ħa numru ta’ passi biex il-poplu Malti jegħleb il-pandemija tas-saħħa mentali.

Meta tikkumpara l-istatistika, id-deputat Nazzjonalsta qal li Malta hi ‘l fuq mill-medja Ewropea meta tidħol saħħa mentali. Qal li fid-dinja hawn madwar 500 miljun persuna li tbati bis-saħħa mentali.

Tenna, li dan hu Gvern bla pjan għas-saħħa mentali, u li m’għandux idea kif se jaħdem biex jindirizza s-saħħa mentali. Huwa ovvju li l-isptar Monte Karmeli għandu bżonn ta’ manutenzjoni kontinwa – kif dejjem sar minn Gvernijiet preċedenti. Iżda issa, dan l-isptar tħalla jmut mewta naturali – mingħajr ebda manutenzjoni.

Dan il-Gvern qed juża lill-Monte Karmeli biex jaqbad lill-kandidati tal-Partit Laburista u jitfaħħhom CEO tal-isptar Monte Karmeli b’pagi fenomenali. Dan minkejja n-nurmu ta’ CEOs li ntefgħu jmexxu l-isptar li ma jfissirx tajjeb għall-pazjenti hekk kif m’hemm l-ebda pjan għat-tul jew stabilita’.

Kwota l-Għaqda Dinji tas-Saħħa u l-Unjoni Ewropea, fejn il-proġett tagħhom hu li jinfetħu servizzi tas-saħħa mentali fil-komunitajiet b’tim professjonali lest li jgħin lill-pazjent. Mario Galea qal li meta hu kien Segretarju Parlamentari, il-Gvern Nazzjonalista kien fetaħ numru ta’ djar kunfidenzjali biex titneħħa l-istigma tas-Saħħa Mentali u kif ukoll Day Centres – li fihom dawn il-pazjenti tas-Saħħa Mentali jkollhom l-għajnuna.

Fejn tidħol is-saħħa mentali hemm żewġ problemi fuq skala internazzjonali – dawn huma l-ammont kbir ta’ nies li jbatu mis-saħħa mentali, u dawk il-persuni li ma jibqgħux jirrikorru għall-kura.

Sfortunatament, dan il-Gvern ma fetaħ l-ebda klinika jew Day Centre fl-irħula. Mario Galea qal li rridu nipproteġu lit-tfal mill-vjolenza domestika, irridu nnaqsu l-istress mill-poplu – għaliex dawn huma kollha fatturi li jwasslu għal suwiċidju.