Lokali Qorti

Filippin jitressaq il-Qorti wara li mess anzjana ta’ 77 sena b’mod xejn xieraq

Investigazzjonijiet tal-Pulizija, anki wara li raw filmat miġbud bil-moħbi, wasslu biex Filippin ikun arrestat u mressaq il-Qorti wara li evidentement fl-istess filmat jidher imiss anzjana b’mod xejn xieraq.

Dan il-Filippin, ħaddiem li suppost ix-xogħol tiegħu hu li jieħu ħsieb lill-anzjani, waqt li kien arrestat mill-Pulizija ċaħad l-akkużi li bdew jagħmlulu l-Pulizija sakemm imbagħad spiċċa b’dahru mal-ħajt hekk kif kien muri filmat miġbud bil-moħbi u li fih jidher bl-aktar mod ċar jabbuża mill-anzjana.

Jirriżulta li dan il-każ seħħ fir-residenza tal-anzjana, li għandha 77 sena, f’Ħaż-Żebbuġ, meta l-Filippin kien imur għandha biex jagħmlilha xi xogħol u xi qadi ieħor. Kull darba li dan il-Filippin kien imur għand din l-anzjana kien jagħmel massimu ta’ siegħa xogħol.

Madankollu jirriżulta li f’jum minnhom tpoġġiet kamera moħbija biex tiffilmja dak kollu li jkun għaddej f’kamra partikulari fejn ikun hemm l-anzjana.

Nifhmu li din  il-kamera moħbija tpoġġiet wara li l-anzjana ġibdet l-attenzjoni ta’ xi persuni ta’ fiduċja u stqarret magħhom dak li l-Filippin allegatament kien qiegħed jagħmel.

Proprju dakinhar, il-ħaddiem Filippin kien skedat li jmur jagħmel xi xogħol għand l-anzjana f’darha u proprju kien dakinhar li l-filmat ġibed l-imġiba xejn deċenti tal-istess ħaddiem Filippin.

Nifhmu li familjari tal-anzjana rrappurtaw il-każ lill-Pulizija u tawhom ukoll il-filmat ta’ dak kollu li ġara dakinhar. Il-Pulizija bagħtet għall-ħaddiem Filippin, li nifhmu li għall-ewwel ċaħad kompletament li xi darba mess lill-anzjana b’mod xejn dinjituż.

Sussegwentement, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija kienu konklużi, anki wara li l-Filippin intwera l-filmat miġbud, u l-każ tressaq il-Qorti.

Nifhmu li dwar dan il-każ kienu infurmati wkoll id-diriġenti tal-kumpanija konċernata li magħha kien impjegat dan il-Filippin, li ħadu l-każ bis-serjetà u kkollaboraw huma wkoll mal-Pulizija.

Fil-Qorti, il-Filippin spjega kif hu jaħdem ma’ kumpanija li offrietlu xogħol bħala carer tal-anzjani u għalhekk kien idur numru ta’ anzjani biex jagħmlilhom xi xogħlijiet fid-dar tagħhom.

Il-Filippin, li għandu 43 sena, fil-Qorti ma riedx li jkun muri mill-ġdid il-filmat miġbud u li, fost l-oħrajn, juri xeni tiegħu jmiss lill-anzjana b’mod xejn deċenti.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-Filippin, u dan baqa’ jinżamm taħt il-kustodja tal-Pulizija.