Fil-jiem li ġejjin Obelisk Auctions Gallery ta’ Ħ’Attard se jkunu qed jirkantaw pittura importanti, xogħol ta’ Francesco Noletti, magħruf bħala il Maltese li għex bejn wieħed u ieħor bejn l-1611 u l-1654.
Din il-pittura li hija tal-kategorija Still Life u turi tapit Tork, kaxxetta għad-deheb u l-ħaġar prezzjuż, vażuni u purtiera tal-bellus kienet ġiet attribwita għall-ewwel darba lil Noletti fis-sena 2016 minn Gianluca Bocchi u dan imbagħad kien ġie konfermat mill-Professur Keith Sciberras.
Din il-pittura hija ta’ interess partikulari għaliex tista’ tiġi meqjusa bħala wieħed mill-ewwel xogħlijiet tal-artist u aktarx li saret għall-ħabta tal-1640.
Hu maħsub li l-artist kien wasal Ruma madwar ħames snin qabel u jidher li mill-ewwel qabad l-istil li huwa rappreżentat b’mod mill-aqwa f’din il-pittura. L-affarijiet inklużi fil-pittura huma fost l-aktar għal qalb l-artist.
Imma dak li jagħmel lil din il-pittura tant interessanti huwa l-espressjoni awstera meta mqabbla max-xogħlijiet dekorattivi u espressivi li huwa għamel aktar ma mmatura. Minkejja kollox, din il-pittura fiha oġġetti għonja li wieħed ma jistax ħlief jorbothom mal-allegorija tas-sinjorija.
F’din il-pittura wieħed jara kaxxetta mimlija induratura li hija ċ-ċentru tal-attenzjoni fuq mejda miksija b’tapit Tork b’disinn elaborat. Il-kaxxetta hija l-kontenitur tal-affarijiet prezzjużi personali u huwa ċar li Noletti kellu l-opportunità li jpinġi din il-kaxxetta f’aktar minn okkażjoni waħda kif wieħed jista’ jinnota f’pittura simili li kienet irkantata minn Sothebys, f’Londra, f’Lulju tal-1984.
Il-mod kif inhuma rranġati l-affarijiet, it-tqassim tal-mases u l-ispazji u l-kompożizzjoni tal-pittura kif ukoll it-timbru kromatiku u l-effetti tonali huma elementi komuni ħafna f’Noletti. L-elementi formali ta’ dan ix-xogħol flimkien mal-karatteristiċi tekniċi tal-pinzellati u t-taħlita tal-kuluri ma jħallu l-ebda dubju li dan hu xogħol ta’ Noletti. L-għata tal-mejda f’dan il-kwadru tidher ukoll f’xogħlijiet oħra tal-artist bħalma hija l-Allegorija tal-Vanità li tinsab fil-Fleming Museum ta’ Vermont, fl-Istati Uniti, u kwadru ieħor li jinsab fil-Musee des Beaux Arts f’Nancy, fi Franza.
Noletti huwa wieħed mill-aktar artisti importanti għal dak li huwa still life tas-seicento Ruman, imma minkejja dan, instabu biss mal-50 pittura tiegħu. Matul is-seklu li għadda, fiċ-ċrieki artistiċi kienu jirreferu għalih bħala Francesco Fieravino.
F’dan l-irkant se jkun hemm aktar minn elf lott minn kollezzjonijiet privati li jinkludi fost l-oħrajn pitturi antiki tas-seklu sbatax u tmintax, għamara Maltija u barranija, arloġġi, deheb u fided, ġojjellerija, fidda Maltija, u għadd ta’ oġġetti oħrajn. Min hu interessat jista’ jara dawn l-oġġetti għand Obelisk Auction Gallery bejn l-24 u s-26 ta’ Frar mill-10.00 sas-18.00 waqt li l-irkant tal-istess oġġetti se jsir fil-ġranet ta’ wara.
//= $special ?>