Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qed iżomm sod quddiem ir-rakkomandazzjoni tal-Pulizija Iżraeljana biex jibdew proċeduri kriminali kontrih minħabba korruzzjoni.
Akkużi li Netanyahu qal kienu bla bażi u wiegħed li kien se jkompli fil-kariga ta’ Prim Ministru.
Issa jmiss lill-Avukati Ġenerali jara x’se jsir u dan il-proċess jista’ jdum ix-xhur.
L-akkużi kontra Netanyahu qed ifeġġu minn allegazzjoni kien talab lis-sidien tal-ġurnal Yediot Aharonot għal rappurtaġġ pożittiv bi tpattija għal għajnuna biex irażżan ġurnal kompetitur. Il-Pulizija qalet li jridu jittieħdu passi kontra anki Arnon Mozes, l-editur tal-Yediot Aharonot.
Hemm ukoll allegazzjoni li ssostni li Netanyahu ngħata rigali għall-valur ta’ aktar minn 200,000 ewro minn Arnon Milchan, miljunarju influwenti fid-dinja ta’ Hollywood, u nies oħra. Dan bi tpattija għal pressjoni mill-Prim Ministru Iżraeljan biex jgħinu jikseb visa mill-Istati Uniti. Milchan hu l-producer ta’ films bħal Fight Club, Gone Girl u The Revenant.
Tul din l-investigazzjoni, Netanyahu kien interrogat mill-investigaturi tal-anqas seba’ darbiet.
Il-Pulizija tħeġġeġ passi kriminali kontra Netanyahu


