Il-Perit Toni Bezzina, waqt l-intervent tiegħu fil-Parlament, stqarr li t-toroq ta’ Malta jinsab fi stat diżastruż. Tenna li hemm dewmien fix-xogħol u ppjanar fit-toroq Maltin – fejn semma’ Triq il-Kuċċard f’Ħal Safi bħala eżempju tipiku li ilha sitt snin biex issir. Semma’ kif problema oħra hi dik ta’ nuqqas fi pjanar serju tax-xogħolijiet.
Id-deputat Nazzjonalista qal li dan mhux biss hu inkonvenjent, iżda jwassal għal traffiku liema bħalu fit-toroq tal-madwar. Toni Bezzina rringrazzja lill-uffiċjali ta’ Transport Malta u membri tal-Korp tal-Pulizija li jmexxu t-traffiku kull filgħodu. Iżda żied, li ma jistax ikun li fis-sena 2018 nibqgħu niddependu fuq dawn il-persuni stazzjonati f’dawn il-postijiet. Tenna li hemm bżonn li jsir investiment f’sistemi li jaddattaw għat-traffiku f’dak il-ħin.
Toni Bezzina tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tax-xufiera tat-trasport pubbliku, fejn stqarr li hemm bżonn li ntejbu l-pagi ta’ dawn il-ħaddiema – u ma jkunx hemmx bżonn li nsibu ħaddiema barranin.
Id-deputat Nazzjonalista qal li t-traffiku qed itellef il-funzjonament ta’ pajjiżna – hekk kif il-ħaddiema qegħdin jaslu tard għax-xogħol u jtellfu lill-post tax-xogħol tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar l-effiċjenza ta’ Malta.
//= $special ?>