Lokali

Jintlaħaq ftehim dwar ħlasijiet dovuti lill-ħaddiema tal-Wasteserv

Il-UĦM Voice of the Workers, li hija l-union rikonoxxuta fi ħdan il-Wasteserv, b’mod uffiċjali għadha kemm issiġġillat ftehim sabiex ħaddiema li kienu fuq probation is-sena l-oħra jitħallsu l-allowances li kienu dovuti lilhom xhur sħaħ.

Din il-union kienet ħadet azzjoni mmedjata meta fl-2017 rreġistrat tilwima industrijali mal-kumpanija quddiem id-Direttur tax-Xogħol. Il-pressjoni li għamlet il-UĦM Voice of the Workers, f’isem il-ħaddiema, irriżultat fl-arranġament msemmi, fejn saru emendi fil-ftehim kollettiv preżenti sabiex il-ħlasijiet saħansitra jingħataw lill-ħaddiema li kienu fuq probation.

Sadattant il-UĦM Voice of the Workers qed tkompli tinnegozja ftehim kollettiv ġdid u d-diskussjonijiet qed jissoktaw bejn din il-union, l-Industrial Relations Unit fi ħdan il-People and Standards Division fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u l-Wasteserv ħalli jiġi fformulat ftehim li jibda jgħodd minn din is-sena.

Fost il-proposti ppreżentati mill-membri, qed jiġu suġġeriti titjib fil-flessibbilta’ tal-ħinijiet tax-xogħol, titjib fuq is-saħħa u s-sigurta’, kif ukoll żidiet u ristrutturar tal-pagi.