Futbol Sport

Liverpool virtwalment fil-kwarti tal-finali tal-UEFA Champions League

Roberto Firmino jifraħ ma' sħabu wara li skorja r-raba' gowl ta' Liverpool (Ritratt: EPA)

Jekk kien hemm bżonn konferma tal-mument maġiku tal-forma u l-qawwa u l-klabbs Ingliżi fl-ewropa, din il-konferma waslet meta Liverpool umiljaw lil Porto 5-0 fil-Portugall biex huma virtwalment fil-kwarti tal-finali tal-kompetizzjoni.

Din ir-rebħa kbira tar-reds ġiet wara li t-Tlieta Manchester City kisbu rebħa kbira ta’ 4-0 fl-Iżvizzera kontra FC Basel, u wara li Tottenham Hotspur kisbu riżultat mill-iktar pożittiv kontra Juventus f’Turin. L-eroj tat-tim immexxi minn Jurgen Klopp kien bla dubju l-attakkant Sadio Mane li skorja tripletta.

L-ewwel gowl wasal wara 25 minuta fejn kien Mane li fetaħ il-festival tal-gowls meta għeleb lill-gowlkiper ta’ Porto Jose Sa wara azzjoni tajba ta’ Wijnaldum. F’din l-azzjoni tal-gowl il-gowlkiper ta’ Porto deher xi ftit inċert.

It-tieni gowl wasal fit-30 minuta permezz ta’ Salah li b’hekk skorja t-30 gowl tiegħu f’dan l-istaġun biex sar l-ewwel plejer f’erba’ snin li jilħaq dik iċ-ċifra, bl-aħħar plejer li jagħmel dan bil-flokk tar-Reds ikun l-Urugwajan Luis Suarez fl-istaġun 2013-14.

Tmien minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Mane skorja t-tieni gowl tiegħu, u fis-70 minuta kien imiss lil Firmino jiskorja r-raba’ gowl tar-Reds biex b’hekk it-tliet attakanti ta’ Liverpool kollha sabu x-xibka. Ħames minuti mit-tmiem l-umiljazzjoni ta’ Porto kienet totali hekk kif Mane għaqqad it-tripletta biex Liverpool neħħew kull dubju li seta’ kien baqa’ dwar min se jikkwalifika.