Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, wissa li kien lest jordna attakk militari Franċiż fis-Sirja jekk jirriżulta li r-reġim tal-President Bashar al-Assad ikun uża l-armi kimiċi kontra l-poplu Sirjan.
Dan wara li feġġew diversi rapporti li matul ix-xahar ta’ Jannar, il-militar tal-Gvern Sirjan uża l-armi kimiċi. Rapporti li Macron qal s’issa s-servizzi sigrieti Franċiżi ma sabux prova tagħhom imma jekk jirriżulta li kien hekk, huwa lest jordna attakk kontra l-post minn fejn ġew u kontra min ippjanahom.
L-aħħar rapport kien ta’ ftit ġranet ilu. Sorsi Sirjani qalu li disa’ persuni kellhom jiddaħħlu l-isptar wara li kellhom diffikultá jieħdu n-nifs wara li twaddbet bomba minn ħelikopter tal-Armata Sirjana fuq Saraqeb, fil-provinċja ta’ Idlib – din hi belt taħt il-kontroll tar-ribelli.
L-Armata Sirjana dejjem ċaħdet li tuża l-armi kimiċi jew li tpoġġi lill-poplu fil-mira tal-attakki tagħha.
Macron igħid li lest jordna attakk fis-Sirja


