22 MEP minn diversi gruppi politiċi esprimew tħassib serju dwar il-fatt li l-Pilatus Bank qed ikompli jopera fl-Unjoni Ewropea, u għalhekk bagħtu ittra lill-President tal- Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) Andrea Enria. L-ittra kienet ko-ffirmata mill-MEPs mill-Partit Popolari Ewropew, mis-Soċjalisti, mill-Konservattivi, mill-Liberali, mix-Xellugin, u mill-Ħodor.
Fi stqarrija, l-MEPs li kienu jagħmlu parti mill-Kumitat ta’ Inkjesta PANA kif ukoll id-delegazzjoni li investigat is-saltna tad-dritt f’Malta, qalu: “Hemm evidenza b’saħħitha mill-awtoritajiet Maltin u provi ċar li jpoġġu lill-Pilatus Bank fiċ-ċentru ta’ trasferimenti finanzjarji illeċiti mill-iskema tal-bejgħ tal-passaport Malti, il-bejgħ ta’ assi statali u trasferimenti inspjegabbli minn ġurisdizzjonijiet bħall-Ażerbajġan għall-persuni esposti politikament f’Malta.”
L-MEPs irreferaw għall-fatt li l-Pilatus Bank għandu l-liċenzja biex jopera fiż-żona Ewro, u li issa fetaħ fergħa f’Londra minbarra l-kwartieri ġenerali tiegħu f’Malta. Huma sostnew li kull qligħ ta’ attività kriminali mill-Bank jikkontamina s-swieq finanzjarji Ewropej u jista’ jkollu effett negattiv fuq istituzzjonijiet regolatorji u politiċi kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew.
Huma ddikjaraw ukoll: “Fil-kuntest tal-provi tar-rwol tal-Pilatus Bank fil-ħasil tal-flus u l-iskandli tal-korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-Gvern ta’ Malta, osservajna bi tħassib serju dwar l-impunità li qed twassal biex il-bank ikompli jopera f’Malta. Aħna naraw in-nuqqas ta’ ħeġġa mill-awtoritajiet Maltin biex jaġixxu, bħala prova ulterjuri ta’ ħtif tal-istituzzjonijiet, fejn ir-rabtiet personali u finanzjarji mill-qrib bejn Pilatus Bank, l-awtorità ta’ superviżjoni f’Malta u l-fergħa eżekuttiva tal-Gvern, qed jaħdmu biex irażżnu kwalunkwe kontrolli fuq l-operazzjonijiet tal-bank.
Fin-nuqqas ta’ skrutinju regolatorju effettiv fuq livell nazzjonali, Pilatus Bank sadanittant kien fil-libertà li jfittex legalment ġurnalisti investigattivi u whistleblowers. L-impatt tal-bank fuq il-libertà tal-istampa f’Malta kien sinifikanti: il-media indipendenti kollha f’Malta, inkluż il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li kienet waħda mill-kritiċi pubbliċi l-iktar strinġenti, irċivew theddid ta’ kawżi fl-Istati Uniti u r-Renju Unit mill-avukati tal-istess bank. Dak li beda bħala kwistjoni ta’ ħasil tal-flus u finanzjament għat-terroriżmu issa kiber u sar theddida għal-libertà tal-espressjoni f’Malta, u juri l-impatt gravi li wieħed jippermetti li bank privat żgħir jopera fi Stat Membru mingħajr ebda verifikazzjoni.
L-imġiba tal-awtoritajiet Maltin fil-liċenzjar tal-bank u li qed iħalluh jopera, minkejja l-provi pubbliċi li qed jiżdiedu dwar ksur tal-liġi kontra l-ħasil tal-flus, ma tistax titqies waħedha, iżda għandha titqies fil-kuntest tal-konnessjonijiet li l-bank għandu mal-politiċi fl amministrazzjoni tal-pajjiż. Il-lista tal-klijenti tal-Pilatus Bank tinkludi persuni esposti politikament mill-Ażerbajġan, l-Angola u Malta u tinkludi lil Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Malti, kif huwa stess ammetta fid-dikjarazzjoni li qara lill-MEPs f’Malta waqt laqgħa skedata mal-Prim Ministru Joseph Muscat.”
Hu għalhekk f’dan id-dawl li l-MEPs qed jinsistu li l-inkjesta tal-Awtorità Bankarja Ewropea fil-Pilatus Bank tkun fil-fond, effettiva u indipendenti mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ Malta. L-MEPs talbu biex jinżammu infurmati dwar kwalunkwe żviluppi fl-inkjesta. L-inkjesta mill-Awtorità Bankarja Ewropea tnediet wara talba formali mill-Kummissjoni Ewropea.
L-MEP David Casa bagħat ir-rapporti tal-FIAU lill-Kummissjoni Ewropea f’Novembru tas-sena li għaddiet. Il-Bank Ċentrali Ewropew qed jinvestiga wkoll lill-Bank Pilatus u bħalissa qed jevalwa jekk is-sitwazzjoni tiġġustifikax l-intervent dirett tagħha wara talba magħmula minn David Casa f’Diċembru li għadda.
Fl-istqarrija, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa u l-MEP Liberali Spanjola Maite Pagazaurtundúa, li ħadmu fuq din l-ittra, qalu: “Ninsabu kunfidenti li dak li ġie żvelat dwar Pilatus Bank jiġi investigat mill-Awtorità Bankarja Ewropea u li s-sistema finanzjarja tal-Unjoni Ewropea tkun protetta mill-ħasil tal-flus li jsir minn qliegħ ta’ attività kriminali.”
Iż-żewġ MEPs tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech ukoll iffirmaw din l-ittra li ntbagħtet lill-Awtorità Bankarja Ewropea.
//= $special ?>