Lokali

Miriam Dalli taħt pressjoni kbira

Aktar stejjer mistennija joħorġu fil-jiem li ġejjin

Fil-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, li tlaqqgħet fl-aħħar tas-sajf li għadda, kien ippreżentat programm mifrux fuq għaxar snin – ‘LEAD’ – suppost bl-iskop li jkun hemm aktar nisa fil-Partit Laburista u fit-tmexxija tal-pajjiż.

Dakinhar, fost l-oħrajn, kien il-Prim Ministru Joseph Muscat stess li faħħar din l-inizjattiva tal-Partit Laburista u inkoraġġixxa dan il-programm u awgura li jkun wieħed ta’ suċċess.

Imma llum qed jirriżulta bl-aktar mod ċar li l-vera inizjattiva ta’ dak il-programm hi biex tinbena ‘armata’ ta’ tfajliet u nisa lebsin sabiħ u b’dehra attraenti biex darba tiskatta t-tellieqa għal-leadership tal-Partit, allura dawn it-tfajliet u nisa diġà mħarrġa jkunu jistgħu jimmilitaw fuq quddiem nett tal-kampanja li ssir favur Miriam Dalli.

Fil-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista tas-sajf li għadda saħansitra kien ippreżentat pjan mifrux fuq għaxar snin bl-iskuża li x-xewqa tal-Prim Ministru għal aktar parteċipazzjoni min-nisa fil-politika ssir realtà.

Dakinhar stess saħansitra kienet l-ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli li ppreżentat il-programm ‘LEAD’ u fissret li dan kien programm ċar u strutturat.

Fissret li dan il-programm kien mifrux fuq għaxar snin… minn Settembru 2017 għal Settembru 2027 u l-impenn tal-Partit Laburista kien li jimplementa l-proġett ‘LEAD’.

Miriam Dalli kienet iddeskriviet dan il-proġett bħala wieħed bi skeda u miri ċari biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja politika.

Sussegwentement kien tħabbar li mas-sebgħin mara ta’ età medja ta’ 29 sena u li ġejjin minn oqsma diversi tal-ħajja kienu se jkunu l-parteċipanti magħżula għall-programm ‘LEAD’.
Il-Partit Laburista kien żied jiftaħar ukoll li dan il-programm kellu rispons pożittiv ħafna u għalhekk kien se jkun qed jitħaddem b’żewġ gruppi; wieħed li beda f’Ottubru li għadda u ieħor li hu pproġettat li jibda f’Marzu ta’ din is-sena. Kull programm idum sena.

Il-koordinatur tal-programm hi direttament il-Membru tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli li kemm-il darba tkellmet dwar l-impenn tal-Partit Laburista li jindirizza l-isfida reali tan-nuqqas ta’ nisa fil-politika.

Naturalment, wara dan il-manuvrar sottili kollu, issa qed toħroġ il-verità dwar il-mottiv veru għalfejn sar dan il-programm, li għandu jagħti vantaġġ kbir lil Miriam Dalli fuq il-kontestanti l-oħra fit-tellieqa għal-leadership… u aktar minn hekk bil-barka sottili tat-Tmexxija tal-Partit Laburista stess.

Kienet il-gazzetta Il-Mument tal-Ħadd li għadda li żvelat kif uħud mill-parteċipanti f’dan il-programm qed iħossuhom fil-veru sens tal-kelma stfruttati mill-Partit tagħhom stess.