Lokali Parlament

“Taħt dal-Gvern, Malta sofriet waqgħat qawwijin fl-ugwaljanza tal-mara” – Claudette Buttigieg

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar in-nuqqas ta' ugwaljanza f'pajjiżna man-nisa

Id-deputat Claudette Buttigieg tenniet li nhar il-Ġimgħa li ġej, 16 ta’ Frar, se jkun ir-raba’ xahar mill-qtil makabru tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Għaldaqstant f’jum il-maħbubin sellmet b’mod partikolari lir-raġel tagħha Peter Caruana Galizia li f’dawn l-aħħar xhur kien eżempju eċċezzjonali ta’ dinjita’ li ġabet magħha rispett kbir minn għand ħafna nies li probabbilment, sa ftit xhur ilu, l-anqas biss kienu jafu min hu.

Claudette Buttigieg qalet li ma ġietx hawn biex tfaħħar, jew teżalta l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia, imma biex titkellem fuq settur li reġa’ sar parti mid-dekasteru tal-ħidma politika tagħha. Tenniet li huwa suġġett li huwa ferm għall-qalbha u taf li kien għall-qalb Daphne wkoll, fejn irreferiet għall-ugwaljanza.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li Daphne Caruana Galizia tkellmet ħafna fuq in-nuqqas serju ta’ ugwaljanza li teżisti f’pajjiżna bejn in-nisa u l-irġiel. F’artiklu li kitbet fil-5 ta’ Lulju 2017 li kien jismu “It was Nationalist governments, not Labour, which changed the lives of Maltese women permanently for the better,” u kwotat:

Women’s lives are not changed for the better by the appointment of women presidents or the symbolic election of token women to parliament. Our lives are changed by changes to the law.

In this respect, it was Nationalist governments which changed the lives of women dramatically for the better, by scrapping the abusive law which made married women little better than chattels in their own household, subservient to their husband’s wishes and with their husband in sole control at law of all household decisions, including decisions to sell the family home and property without their wife’s consent, decisions that affected the children, and decisions which directly affected the wife herself and her financial status.

Iżda Claudette Buttigieg qalet li Daphne Caruana Galizia kitbet ukoll fuq fenomenu serju li qed jerġa jgħolli rasu f’pajjiżna, dak li bl-Ingliz jissejjaħ ‘Misogyny’. Tenniet li l-kelma tfisser stmerrija lejn in-nisa, jew tip ta’ nisa, speċjalment nisa li kapaċi jqumu, jitkellmu u jieħdu azzjoni – fejn ġabet eżempju b’Daphne Caruana Galizia bħal ħutha u bħan-nisa ta’ Occupy Justice.

Il-kelma Misogyny, ma ssibx ruħha fid-dizzjunarji ewlenin ta’ lsienna. F’dan ir-rigward, Claudette Buttigieg qal li dan mhux għax dan il-fenomenu ma’ jeżistix imma għaliex f’pajjiżna ma rridux niffaċjaw din ir-realta’ kerha. Tenniet li fuq dan il-fenomenu, Daphne Caruana Galizia kitbet aktar minn sitta u għoxrin artiklu fuq il-blog tagħha. Id-deputat Nazzjonalista qalet li mill-attitudni sessista u miżoginista ta’ ċerti avukati fil-Qorti, għall-għażla xejn felici ta’ kliem minn ġurnalisti prominenti u fuq kollox, Daphne kitbet fuq l-ipokrisija ta’ min isejjaħ lilu nnifsu liberali u progressiv  imma jwaqqa lill-mara l-isfel b’mod sottili imma kostanti u reali, taħt il-velu tal-avvanz, tal-progress u tal-ugwaljanza.

Claudette Buttigieg qalet li dan il-Gvern ftaħar ħafna li se jpoġġi l-mara fil-quċċata tal-prijoritajiet tiegħu, li Malta se tkun fost l-aqwa fl-Ewropa – u li dan se jkun l-iktar Gvern femminista ta’ pajjiżna, imma fil-fatt mhux hekk ġara.

“Taħt dal-Gvern, Malta sofriet waqgħat qawwijin fl-ugwaljanza tal-mara”, qalet Claudette Buttigieg. Fejn sostniet li l-konferma ta’ dan huwa l-aktar studju riċenti tal-World Economic Forum. Il-Global Gender Gap Index l-aktar riċenti li ġie ppubblikat mill-World Economic Forum jikkonferma li fl-aħħar ħames snin in-nisa Maltin sofrew waqgħa qawwija fl-ugwaljanza. Kompliet, li l-World Economic Forum – organizzazzjoni internazzjonali bbażata f’Ġinevra, l-Iżvizzera – toħroġ il-Global Gender Gap Report kull sena. Dan hu kejl dettaljat tal-pagi, tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-parteċipazzjoni tan-nisa f’madwar 140 pajjiż. Meta teħodhom flimkien, minn dawn il-fatturi dettaljati toħroġ stampa globali tal-qagħda tan-nisa fil-pajjiżi studjati.

Claudette Buttigieg insistiet li f’dan il-kejl importanti, internazzjonali u indipendenti tal-qagħda tan-nisa, kemm ilu l-Gvern ta’ Joseph Muscat, Malta marret lura sostanzjalment. Fl-istampa sħiħa, mill-84 post fl-2013, in-nisa Maltin ħadu tiżbita sena wara l-oħra – għad-99 post fl-2014, il-104 post fl-2015, il-108 post fl-2016 u issa fl-2017 qiegħdin fit-93 post, waqgħa lura ta’ 9 postijiet.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li meta mbagħad tqis il-fatturi ewlenin li wasslu għal din il-waqgħa globali, din irriżultat mill-fatturi li ġejjin:

  •  fil-pagi tan-nisa, Malta sofriet waqgħa lura ta’ 22 post, mis-87 fl-2013 għall-109 issa;
  • fl-ugwaljanza bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel, waqgħa mid-19 għat-42 post, lura 23 post;
  • fis-saħħa tan-nisa, 37 post lura, mill-65 għall-102;
  • fil-kejl importanti tal-healthy life expectancy – jigifieri kemm mara Maltija mistennija tgħix b’saħħitha fit-tul, lura mit-78 għall-108, waqgħa ta’ 30 post;

Claudette Buttigieg qalet li meta l-Awditur Ġenerali jikxef li hemm 63,000 jistennew l-ewwel appuntament fis-sistema pubblika tas-saħħa – tmur lura s-saħħa tal-kategoriji kollha, fosthom in-nisa, għax in-nisa jgħixu aktar u jiġu bżonn aktar is-servizzi tas-saħħa.

  • fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, mit-53 għall-85, lura 32 post;
  • fil-proporzjon ta’ nisa fil-Parlament, waqgħa ta’ 27 post, mid-90 għall-117; u
  • fil-karigi fejn in-nisa jieħdu d-deċiżjonijiet (fosthom bħala Ministri, DGs etc), waqgħa kbira ħafna lura ta’ 81 post, mill-41 post ħames snin ilu għall-122 issa.

L-uniku titjib li kien hemm fuq ħames snin ilu hu fil-fattur tad-dħul ta’ studenti bniet fl-iskejjel sekondarji.

Tenniet li meta tieħu l-istampa sħiħa u anke meta tieħu l-oqsma importanti tal-pagi, tas-saħħa u tal-parteċipazzjoni tan-nisa, Malta waqgħet lura bil-qawwi fl-aħħar ħames snin.

Kompliet li mhux biss, għax il-postijiet li tokkupa Malta f’dawn l-oqsma huma fl-aħħar terz tal-klassifika tal-140 pajjiż li l-Forum Ekonomiku Dinji għamel l-istudju tiegħu fuqhom. Minn 140 pajjiż, aħna issa qegħdin f’postijiet bħall-109, il-102, il-108, il-110, il-117 u l-122 f’dak li għandu x’jaqsam mal-pagi, is-saħħa u l-parteċipazzjoni tan-nisa fejn tassew jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Claudette Buttigieg qalet li biex għallinqas inreġġgħu lura dawn il-waqgħat qawwijin li n-nisa Maltin sofrew fl-ugwaljanza fl-aħħar ħames snin, il-Gvern ta’ Joseph Muscat jeħtieġ jgħaddi mill-propoganda għall-azzjoni.

Appellat li jeħtieġ ukoll li naħdmu biex inbiddlu l-mentalita’ f’pajjiżna. Il-filmati li rajna waqt il-laqgħa tal-Kunsill Lokali tal-Belt tal-bieraħ, fejn ġie diskuss għandux jitneħħa mafkar li twaqqaf spontjament quddiem il-Qrati bħal għajta kostanti għall-ġustizzja, turi biċ-ċar li hemm nies li għandhom stmerrija serja lejn nisa li jazzardaw jiftħu ħalqhom għal dak li hu ġust u għall-ġustizzja nfisha. Stmerrija lejn min mhux lest jiskot kontra l-inġustizzja flagranti f’pajjiżna. Daphne Caruana Galizia inqatlet brutalment għax tkellmet, għax irrifjutat li tħares in-naħa l-oħra u li toqgħod siekta.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li ma nistgħux nibqgħu siekta, ma nistgħux inħarsu n-naħa l-oħra. Irridu naraw li kull mara tiġi rrispettata, li fehmet kull mara għandha tingħata vuċi, li post il-mara fid-deċizjonijiet important ta’ pajjiżna huwa dritt u mhux token biex nagħlqu ħalq xi wħud.

Claudette Buttigieg qalet li rridu ntajjru l-ħsieb li biex mara tqum u titkellem, hemm bżonn li tkun sabiħa, irqieqa jew attrajenti. Żgur li mhux l-irġiel kollha li għandhom post fit-tmexxija ta’ pajjiż jew għandhom xi ħsieb x’jaqsmu f’dan il-Parlament u barra, m’humiex fiżikament perfetti. “Għandna bżonn iktar varjeta’, u għandna bżonn l-inklużjoni. Fejn huma n-nisa u l-irġiel b’diżabilita’? Il-Partit Nazzjonalista kellu kandidat wieħed li sfortunatament ma ġiex elett, imma dan mhux biżżejjed”, ikkonkludiet Claudette Buttigieg.

Id-deputat qalet li meta kellha x-xorti żżur ir-Rosa Parks Museum, f’Montgomery, Alabama, fl-Istati Uniti, ħabiba tiegħha tagħtha kartolina b’żewġ ħsibijiet li tħobb iżommhom f’moħħha u f’qalbha kuljum: “Well-behaved women seldom make history” (ħsieb ta’ Laurel Thatcher Ulrich) u ħsieb tal-istess Rosa Parks, “You must never be fearful about what you are doing when it is right.”