Knisja Kultura Lokali

VALENTINU U L-ERBGĦA TAL-IRMIED: L-aħħar li ġew flimkien kien 73 sena ilu

Illum il-Knisja tiċċelebra Ras ir-Randan

Kien fl-1945 l-aħħar li ġew flimkien Ras ir-Randan u Jum San Valentinu – xi ħaġa li tassew mhix komuni.

Għalkemm hawn ħafna li ma jemmnux b’San Valentinu, għal dawk li jemmnu taf tkun biċċa uġiegħ ta’ ras biex tiddeċiedi jekk hux se toħroġ tiekol illejla jew tieħux xi ċikkulatina. Dan hekk kif għall-Kattoliċi, illum jibda ż-żmien qaddis tar-Randan; żmien ta’ sawm u astinenza.

L-aktar kmieni li jista’ jiġi Ras ir-Randan hu fl-4 ta’ Frar filwaqt li l-aktar data tard tkun l-10 ta’ Marzu.

Sa minn nofs is-seklu 18 Jum San Valentinu beda jiġi kummerċjalizzat dejjem aktar bħala l-Festa tal-Maħbubin. Eventwalment il-festa kibret, u fost il-bosta użanzi daħlu li jintbagħtu kartolini, jingħataw il-ward, u komuni ħafna l-għoti ta’ ċikkulatini. Komuni wkoll xi ikla romantika għad-dawl tax-xemgħa.

Madankollu saret tkun iċċelebrata bil-kbir mil-lat lajk f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin.

Minn naħa l-oħra, il-Knisja ssostni li l-Erbgħa tal-Irmied hi festa Kattolika importanti u għandha tibqa’ tkun imħarsa. L-Isqof Kattoliku Amerikan Richard Joseph Malone tad-djoċesi ta’ Buffalo fi New York, ħajjar lin-nies li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu biex jekk huma s-soltu jiċċelebraw bi kbir Jum San Valentinu, għal din is-sena dan għandhom jagħmluh jum qabel, jum magħruf bħala Mardi Gras, u li f’bosta pajjiżi hu assoċjat mal-aħħar jum tal-Karnival.

Fost il-kummenti li saru fid-dinja fejn hu mitkellem l-Ingliż, intqal li tajjeb wieħed jinnota li l-kelma ‘Lent’ hi proprju parti mill-kelma ‘Valentine’. L-imħabba u s-sagrifiċċju Tajjeb li wieħed jirrifletti ftit li l-imħabba fil-fatt titlob ukoll sagrifiċċju, u bosta jsostnu li proprju għax ftit baqgħu jafu xi tfisser sew din il-kelma, li bosta żwiġijiet qed jispiċċaw f’qasir żmien.

Ta’ min wieħed isemmi li l-Għid din is-sena ġej fl-1 ta’ April, u din mhix xi ċajta. L-aħħar li seħħet li Jum San Valentinu u l-Erbgħa tal-Irmied ħabtu fl-istess jum kien fl-1945, meta kienet għadha għaddejja t-Tieni Gwerra Dinjija, anki jekk xi ftit kienet bdiet tbatti.

L-Erbgħa tal-Irmied u Jum San Valentinu jerġgħu jaħbtu fl-istess jum fl-2024 u fl-2029.