Internazzjonali

17 Mejta u diversi feruti fi sparatura fi skola ġewwa Florida: jinqabad eks student li kien tkeċċa

Mill-inqas 17-il persuna inqatlu meta żagħżugħ ta’ 19-il sena fetaħ in-nar fi skola fl-Istat ta’ Florida fl-Istati Uniti. Iż-Żagħżugħ kien identifikat bħala Nikolas Cruz, eks student fl-istess skola li kien tkeċċa minħabba raġunijiet dixxiplinarji.

Skont l-ewwel informazzjoni mogħtija mill-Pulizija fi Broward County, Cruz qatel tliet persuni barra l-konfini tal-iskola qabel daħal fl-iskola innifisha u qatel 12-il persuna oħra. Żewġ persuni oħra mietu iktar tard fl-Isptar. Tliet persuni jinsabu f’qagħda kritika u tlieta oħra jinsabu f’qagħda stabbli.

L-Aggressur irnexxielu jaħrab minn fuq il-post iżda mbagħad inqabad madwar siegħa wara, fil-Belt ta’ Coral Springs.

Dan l-inċident mistenni jqajjem mill-ġdid il-kontroversja dwar leġislazzjoni biex ikun hemm kontrolli fuq il-bejgħ tal-armi fl-Istati Uniti.

Mill-2013 sa issa, seħħew 291 sparatura fi skejjel fl-Istati Uniti fejn studenti inqatlu jew sfaw midruba. Din hija medja ta’ madwar sparatura fil-ġimgħa.