Il-faċċata tas-Sala Robert Samut fil-Furjana se tkun restawrata wara li kien approvat il-permess tal-ippjanar għal dan ix-xogħol.
Ir-restawr fuq il-faċċata Neo-Gotika se jinkludi t-tindif professjonali tal-ġebla, kif ukoll it-tneħħija ta’ żebgħa antika u tibdil ta’ ġebel li ddeterjora maż-żmien. Se jerġgħu jittellgħu wkoll żewġ figuri ta’ ‘gargoyles’, li jintużaw biex l-ilma tax-xita ma jaħbatx direttament mal-faċċata tal-binja.
Ix-xogħolijiet se jsiru skont metodu ta’ restawr approvat mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, filwaqt li se jkunu segwita mill-qrib mill-Uffiċjali tal-Konservazzjoni fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar.
Mibnija fl-1883 fuq diżinn tal-Arkitett Thomas Mullet Ellis, il-binja ntużat bħala Knisja għall-Protestanti. Matul is-snin, din kienet l-ewwel binja f’Malta li kellha fiha l-provvista tal-elettriku.
Fl-1975, il-binja saret propjetà tal-Gvern Malti u ssemmiet għal Robert Samut, li flimkien ma’ Dun Karm Psaila kkompona l-Innu Nazzjonali. Is-Sala llum tintuża’ għal attivitajiet kulturali.
//= $special ?>