Lokali

FILMAT: Adrian Delia b’impenn biex jissaħħu l-Koperattivi f’Malta

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni lesta tilqa' l-ideat u s-suġġerimenti tal-Kunsill

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia impenja ruħu li jaħdem biex jissaħħu l-Koperattivi f’Malta.

Hu wassal dan il-messaġġ meta laqa’ l-membri tal-Kunsill tal-Koperattivi fl-uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Il-membri ta’ dan il-Kunsill jirrappreżentaw numru ta’ koperattivi differenti, fosthom koperattivi tal-biejda, is-sajd, il-minibuses, il-propjetà u anke koperattivi soċjali.

Fil-messaġġ tiegħu, Adrian Delia qal li l-istruttura tal-koperattivi barra minn Malta taħdem tajjeb ħafna u f’Malta stess, din l-istruttura tista’ tikber f’proporzjonijiet kbar. F’dan ir-rigward hu semma kif nistgħu naħdmu biex il-koperattivi jilħqu l-akbar potenzjal tagħhom.

Min-naħa tiegħu, anke l-President tal-Kunsill tal-Koperattivi Pawlu Piscopo qal li barra minn Malta, il-koperattivi huma stejjer ta’ suċċess. Madanakollu nnota b’dispjaċir li f’Malta kien hemm bħal impenn politiku biex tinqatel din l-istruttura.

Bħala eżempju hu semma’ l-qsim tal-fond ċentrali hekk kif bdew jiġu ffurmati federazzjonijiet ġodda, bil-konsegwenza li l-Kunsill tal-Koperattivi spiċċa mingħajr fondi.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni lesta tilqa’ l-ideat u s-suġġerimenti tal-Kunsill, biex jekk jista’ jkun, l-interessi tal-Koperattivi jiġu mbuttati anke mill-Oppożizzjoni.