Lokali

FILMAT: Bżonn li nwieġbu għall-isfidi li għandhom in-negozji ż-żgħar – Adrian Delia

Adrian Delia żar iċ-ċentru tal-Mosta fejn iltaqa' ma' diversi sidien ta' negozji

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kompla bis-sensiela ta’ żjarat fiċ-ċentri tal-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Illum, Adrian Delia żar iċ-ċentru tal-Mosta fejn iltaqa’ ma’ diversi sidien ta’ negozji, klijenti u nies li kienu għaddejjin f’din il-lokalita’ ċentrali.

F’kumment fi tmiem iż-żjara, Adrian Delia qal li filwaqt li l-kummerċ hu preżenti u baqa’ jkun sostnut għal dawn l-aħħar xhur, madanakollu, il-kumment ġenerali tan-nies hu li qed jaħdmu iktar iżda qed idaħħlu inqas.

Adrian Delia staqsa jekk il-Gvern għandux pjan biex is-self employed u n-negozji ż-żgħar jirrispondu għall-isfidi tal-ġejjieni. Hu qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tistaqsi lill-Gvern u fejn il-Gvern mhux se jwieġeb, se tkun l-Oppożizzjoni li se toffri soluzzjonijiet.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem dwar is-Self Employed u n-Negozji ż-Żgħar Edwin Vassallo, is-Sindku tal-Mosta Keith Cassar u kandidati tal-Partit Nazzjonalista li jikkontestaw fid-distrett elettorali tal-Mosta.