Ix-xhud li ra l-karozza-bomba tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia sseħħ, irrakkonta dak kollu li ra meta fil-Qorti kompliet tinġabar l-evidenza kontra Vince Sammut, Vince Muscat, George Degiorgio u Alfred Degiorgrio.
Francis Sant, li joqgħod il-Bidnija, xhed kif meta kien fi triqtu lejn il-Bidnija, ra karozza ġejja bilmod mid-direzzjoni opposta. F’daqqa waħda kien hemm ħoss, bħal donnu ta’ sparatura, u ftit wara, it-tieni ħoss… din id-darba ta’ splużjoni enormi.
Hu żied li għall-ewwel, sema bħal ħoss tal-brekijiet. Iżda malli seħħet it-tieni splużjoni, il-karozza twaddbet fl-għelieqi, f’ballun tan-nar li għal ftit metri ma laqtitx il-karozza tiegħu stess.
Francis Sant ta’ x-xhieda tiegħu wara dik ta’ numru ta’ Pulizija, pumpiera u esperti tal-Qorti li wkoll xehdu fil-kumpilazzjoni tal-evidenza.
Fost ix-xhud li dehru dalgħodu hemm uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li dakinhar tal-karozza-bomba rrispondew għan-nirien li kienu kkawżati mill-bomba, u li fil-Qorti ddeskrivew ix-xena ‘kaotika’ li kien hemm.
Wieħed mill-pumpuera, Eric Edilston, qal li fuq il-post seta’ jara biċċiet mill-ġisem tal-vittma mifruxa mal-art, waqt li Frederick Sammut, uffiċjal ieħor, qal li fuq il-post ra karozza taqbad b’persuna ġo fiha. Meta kien evidenti li l-persuna maqbuda fil-karozza ma kinitx ħajja, beda jfittex iż-żona għal possibiltà ta’ xi persuni oħra milquta.
Xehed ukoll uffiċjal tas-CID, Luca Grasso, li kien involut fi tfittxija li saret fir-residenza ta’ Alfred Degiorgio, wieħed mill-akkużati. L-uffiċjal qal li fir-residenza tiegħu ma nstabx materjal marbut mal-isplussivi, iżda nstabu numru ta’ mobile phones u cards tal-mobile.
Alfred Degiorgio huwa dak l-akkużat li l-Pulizija qed tgħid li kien l-ispotter li segwa l-aħħar movumenti ta’ Daphne Caruana Galizia minn post fl-għoli fejn anke nstabu fdalijiet ta’ sigarett bid-DNA tiegħu fuqu.
Waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza, fl-awla kien hemm hemm qraba ta’ Daphne Caruana Galizia, apparti t-tliet akkużati: Vince Muscat, u l-aħwa Degiorgio – George u Alfred. Il-Pulizija qed tgħid li George Degiorgio irċieva t-telefonata mingħand ħuħ, u kien wara li saret it-telefonata li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.
L-avukati Jason Azzopardi u Therese Commodini Cachia qed jidhru parte civile għall-familja Caruana Galizia. George Degiorgio, iċ-Ċiniż hu mgħejjun bl-avukat tal-għajnuna legali Josette Sultana, Alfred Degiorgio, il-Fulu hu rappreżentat mill-avukati Martha Mifsud u William Cuschieri, filwaqt li Vince Muscat, il-Koħħu hu rappreżentat mill-avukat tal-għajnuna legali Martin Fenech.
L-Avukati Elaine Mercieca Rizzo u Nadia Attard mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali kien wkoll preżenti fil-kawża.
Il-kumpilazzjoni qed tinġabar quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit u l-każ se jkompli fis-26 ta’ Marzu li ġej.
//= $special ?>