F’intervista li ta lil ġurnal Taljan, il-President tal-FIFA Gianni Infantino qal li la darba Gigi Buffon jirtira mill-futbol iridu jaħdem miegħu fi ħdan il-Federazzjoni.
Ftit ġimgħat ilu l-gowlkiper ta’ Juventus Buffon għalaq 40 sena u hu mistenni li se jieqaf jilgħab il-fubol la darba jintemm dan l-istaġun madankollu żvela li jekk Juventus jirbħu ċ-Champions League jilgħab għal staġun ieħor biex ikun jista’ jieħu sehem fit-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs li ssir f’Diċembru.
Infantino tkellem dwar il-fatt li l-Italja mhux se tkun qed tieħu sehem fit-Tazza tad-Dinja wara li ġiet eliminata mill-play-offs. “Se tkun ħassra li l-Italja mhux se tkun qed tilgħab fit-Tazza tad-Dinja proprju meta fit-tmexxija tal-FIFA hemm President Taljan.
Xtaqt ħafna nkun jien li ngaddi t-trofew tat-Tazza tad-Dinja lil Buffon imma issa la darba dan mistenni jirtira jien għandi biċċa xogħol biex nikkonvinċih biex jibda jaħdem miegħi fi ħdan il-Federazzjoni,” qal Infantino.
Infantino, li ħa post Sepp Blatter, ikkonferma li fit-Tazza tad-Dinja tal-2026 se jkunu qed jieħdu sehem 48 tim filwaqt li mill-2021 il-kompetizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs se tibda ssir f’Ġunju minflok f’Diċembru.
Rekord ieħor għal Ronaldo
Tard l-Erbgħa filgħaxija Cristiano Ronaldo skurja doppjetta kontra PSG fl-ewwel leg tal-fażi tal-aħħar 16 taċ-Champions League u bl-ewwel gowl tiegħu laħaq rekord ieħor fil-karriera glorjuża tiegħu.
Bil-penalty li skurja fl-ewwel taqsima hu sar l-ewwel plejer fl-istorja li qatt skurja 100 gowl ma’ tim wieħed fiċ-Champions League.
Eventwalment hu skurja gowl ieħor sitt minuti mit-tmiem biex għen lit-tim tiegħu jirbaħ il-konfront bi skor ta’ 3-1.
//= $special ?>