L-Istitut għall-Edukazzjoni nieda kors ġdid immirat għall-għalliema tal-iskejjel primarji biex joffru tagħlim barra mill-klassi u permezz tan-natura. Il-kors li jwassal għal ‘MQF Level 6 Award in Teaching Outdoor Learning through Nature’ qed jingħata minn BirdLife Malta permezz ta’ fieldwork, lezzjonijiet u anke materjal li jitqassam biex wieħed jistudja fuqu.
Fi stqarrija l-Birdlife qalu li l-kors mifrux fuq erba’ ġimgħat se jipprovdi lill-għalliema bil-ħiliet u l-kompetenzi biex ikunu jistgħu jorganizzaw attivitajiet marbutin mal-kurrikulu f’ambjent barra mill-klassi. Dan se jinkludi l-ħolqien ta’ ambjenti ta’ tagħlim li jikkumplimentaw il-benefiċċji li jġib miegħu l-fatt li wieħed iqatta’ ħin fin-natura fosthom titjib fis-saħħa fiżika, fil-benesseri emozzjonali, fil-ħiliet personali u soċjali; kif ukoll irawwem sens ta’ responsabilità ambjentali u valuri sostenibbli.
Permezz tat-taħriġ, l-għalliema jsiru rappreżentanti ta’ ċittadinanza attiva u jkunu kapaċi juru d-diversi metodi li permezz tagħhom it-tagħlim qrib tan-natura jista’ jservi bħala pjattaforma li tipprovdi valur għall-kompetenzi interpersonali, interkulturali u ċiviċi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Edukazzjoni Joanne Grima kkummentat li “l-għalliema għandhom jingħataw il-mezzi meħtieġa biex ikunu jistgħu jieħdu l-inizjattiva u jagħżlu l-iżvilupp professjonali li jwessagħlhom il-ħiliet tagħhom. L-involviment tagħhom f’esperjenza awtentika man-natura jħalli impatt pożittiv fuq is-saħħa soċjali, psikoloġika, akkademika u fiżika tat-tfal. Dan il-metodu ta’ tagħlim għandu jinfirex mal-kurrikulu għax jagħti lill-għalliema l-possibbiltà li jiżviluppaw b’mod sħiħ.”
Desirée Falzon, field teacher ta’ BirdLife Malta u l-persuna li żviluppat dan il-kors, ikkummentat: “Kulma jmur aktar għalliema qed jinteressaw ruħhom f’metodi ta’ tagħlim li jgħinu lit-tfal jirrelataw aktar man-natura. Dan jidher b’mod speċjali fost l-edukaturi ta’ tfal żgħar li qed jifhmu li meta tinkorpora n-natura fit-tagħlim dan iwassal biex titrawwem imħabba lejn l-ambjent li mbagħad tibqa’ ħajja anke fil-ħajja adulta.”
Bir-rekord ferm b’saħħtu li għandha f’dawk li huma inizjattivi ta’ edukazzjoni ambjentali ta’ livell għoli, BirdLife Malta se tkun qed tuża l-esperjenza vasta tagħha flimkien mal-għarfien u r-riċerka biex tipprovdi dan il-kors innovattiv li għandu jkompli jsaħħaħ il-qasam tal-edukazzjoni ambjentali f’Malta.
//= $special ?>