Hu importanti li, flimkien, ma nħarsux lejn l-isfidi li se jkollna fl-industrija tas-Servizzi Finanzjarji bħala ostakli, iżda bħala opportunità biex niddiversifikaw u nsaħħu l-investiment, filwaqt li nkunu dejjem pass ‘il quddiem.
Hekk qalet il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija, is-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazzjoni Kristy Debono meta kienet qed tindirizza konferenza mtella’ mill-Institute of Financial Services Practitioners (IFSP), fejn fakkret fil-viżjoni li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu biex dan is-settur ikun stabbilit u rispettat fl-Unjoni Ewropea.
Kristy Debono qalet li ma nistgħux nieqfu quddiem is-suċċess li qed ingawdu bħalissa, grazzi għall-koperazzjoni bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, iżda għandna nkomplu naġġornaw ħalli ma ninġarrux mill-kurrent tal-iżvilupp, speċjalment bil-progress li qed isir f’din l-era diġitali. Fakkret kif għandna quddiemna sfida wara l-oħra, li jridu jiġu megħluba b’ħidma kontinwa bejn il-Gvern, l-Oppożizzjoni, ir-regulaturi u anke l-operaturi fis-settur.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qalet li operaturi internazzjonali jibqgħu f’pajjiżna jekk inkomplu noffru ambjent li jikkompeti ma’ pajjiżi oħrajn. Fl-istess waqt irridu naraw li l-indipendenza tar-regolaturi tibqa’ fis-seħħ, partikolarment wara li r-reputazzjoni ta’ Malta tħammeġ meta pajjiżna ssemma’ fil-Panama Papers minħabba Uffiċjali għolja tal-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem biex is-settur finanzjarju f’pajjiżna jibqa’ sod u għalhekk, iħeġġeġ li jinħoloq grupp ta’ esperti fis-settur ħalli tkun studjata s-sitwazzjoni u jsiru r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa. Għal dan, għandhom jattendu l-istakeholders kollha fuq skala nazzjonali.
Kristy Debono tkellmet ukoll dwar l-isfidi moderni li qed iġibu magħhom il-blockchain u l-cryptocurrencies, li qed ibiddlu l-mod kif isir in-negozju. Fakkret kif f’Novembru li għadda, l-MFSA nediet dokument ta’ konsultazzjoni dwar ir-regolamentazzjoni tal-muniti virtwali.
Għaldaqstant, fi tmiem il-proċess ta’ konsultazzjoni, l-MFSA għandha toħroġ bil-proposti ċari u dettaljati, fejn fost l-oħrajn naraw li l-muniti virtwali ma jsirux mezz ieħor ta’ ħasil ta’ flus jew dħul illeċitu ieħor. Fl-istess waqt, naraw kif dawn ikomplu jipproteġu l-innovazzjoni.
Il-konferenza kienet indirizzata minn numru ta’ persuni oħra fis-settur, fosthom mill-President tal-IFSP Juanita Bencini, li nnutat kif sensiela ta’ avvenimenti li seħħew fl-aħħar sentejn ħolqu ħafna inċertezza f’dan is-settur, filwaqt li barranin b’interess li jinvestu f’pajjiżna, issa huma inkwetati li Malta saret tax haven.
//= $special ?>