Internazzjonali

L-organizazzjonijiet umanitarji fir-Renju Unit taħt il-lenti

Penny Mordaunt, il-Ministru għall-Iżvilupp, wissiet li l-Gvern kien se jwaqqaf il-finanzjament lil dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji li jaħdmu madwar id-dinja.
Dan jekk jonqsu li jitgħallmu l-lezzjoni mill-iskandlu ta’ abbuż sesswali li jikkonċerna l-Oxfam, waħda mill-organizzazzjonijiet umantiarji ewlenin fir-Renju Unit.
Il-grupp jinsab fil-mira ta’ ħafna kritika wara li rriżulta li xi uffiċjali tal-Oxfam kienu għamlu użu mis-servizz tal-prostituti meta marru jgħinu lin-nies fil-Haiti, wara terremot qawwi li kien laqat lill-pajjiż fl-2010.
Mordaunt qalet li trid tinħoloq klima fejn tingħata prijorità s-sigurtà tan-nies vulnerabbli li magħhom l-impjegati tal-gruppi umanitarji jkunu assigurati li l-vittmi u l-whistleblowers jistgħu jmorru jikxfu abbużi mingħajr biża’. Jekk le, il-Gvern Ingliż kien se jwaqqaf kull finanzjament ta’ dawn il-gruppi.
Hija qalet dan waqt li kienet qed tindirizza laqgħa ta’ gruppi umanitarji fi Stokkolma, l-Iżvezja. Il-Ministru Ingliż żiedet ukoll li dawn il-gruppi jridu jibdew jirrappurtaw kull inċident serju, minkejja l-ħsara li dan se jagħmel lir-reputazzjoni tal-grupp. Jekk le, il-Gvern Ingliż kien se jitbiegħed minnhom.
L-Oxfam tingħata madwar 32 miljun Lira Sterlina kull sena mill-Gvern Ingliż. Anki l-Kummissjoni Ewropea qalet li hemm il-periklu li twaqqaf il-finanzjament lill-Oxfam. Dan jammonta għal madwar 68 miljun ewro fis-sena.