Internazzjonali

Lejn trasport pubbliku b’xejn fil-Ġermanja

F’diversi bliet Ġermaniżi se jingħata bidu għal proġett pilota ta’ trasport pubbliku b’xejn. Dan bħala mezz biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja.
Il-proġett se jsir f’ħames bliet Ġermaniżi, fosthom Bonn u Essen u Mannheim. Dawn l-aħħar żewġ bliet immsemmijin huma industrijali u u l-proġett fihom se jibda lejn l-aħħar tas-sena. L-uffiċjali iżda insistew li dan b’ebda mod ma jfisser li se jitneħħa xi piż minn fuq il-kumpaniji tal-karozzi, li xorta jridu ikomplu jistinkaw biex inaqqsu t-tniġġis mill-karozzi.
Apparti minn hekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi qed jipproponu restrizzjonijiet akbar fuq id-dħaħen minn karozzi tal-linja u taxis u inizjattivi biex in-nies jagħmlu anqas użu mill-karozza privata.
Dan hekk kif skada deadline tal-Kummissjoni Ewropea biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja.
Skont il-Kummissjoni Ewropea, it-tniġġis tal-arja kull sena hu l-kawża tal-mewt ta’ 400,000 persuna u jikkawża nefqa fis-settur tas-saħħa ta’ 20 biljun ewro. Imma anki mingħajr il-pressjoni minn Brussell, il-ħidma għal arja nadifa hi prijorità għat-tmexxija Ġermaniża.