Lokali Saħħa

FILMAT: “Il-Gvern abbanduna s-settur tas-saħħa mentali” – Il-Kap tal-PN Adrian Delia

"Wara il-ħitan ta' Monte Karmeli hemm in-nies"

 

Fis-settur tas-Saħħa, il-Gvern kien interessat biss biex jispekula l-Isptarijiet. Konsegwenza ta’ dan, is-settur tas-saħħa mentali kien abbandunat u użah biss biex jaqdi n-nies tiegħu billi l-ewwel poġġa lis-Sindku Laburista tal-Imsida u wara lis-Sindku Laburista ta’ Santa Venera bħala Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Carmeli.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Isptar Monte Carmeli. Hu qal li l-każi tal-aħħar xhur, fosthom it-tixrid tal-legionnaire’s disease u l-każi fejn pazjenti ħarbu mill-Isptar huma indikattivi ta’ nuqqas ta’ rieda politika li s-settur jingħata priorita’.

Adrian Delia fakkar li wara dawn il-ħitan hemm in-nies u fid-diskors tiegħu fil-Parlament, flok serrħilhom rashom u tahom wens, il-Ministru tas-Saħħa qal biss li se jibda jiddiskuti. Il-Kap tal-PN qal li s-settur jeħtieġ azzjoni minnufih

Il-Konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem dwar is-Saħħa Mentali u Kura fil-Komunita’ Mario Galea.

Hu qal li l-Gvern abbanduna għal kollox il-programm ta’ kura fil-komunita’ u l-Crisis Intervention Team li kien twaqqaf fi żmien Gvern Nazzjonalista prattikament iżżarma.

Mario Galea appella lill-Gvern biex ma jkomplix jilgħab bil-ħajja tan-nies, u dan fid-dawl tal-fatt li f’Malta hawn irrappurtati mal-35,000 każ ta’ dipressjoni, li minnhom 70% biss fittxew il-kura. Hu fakkar li d-dipressjoni li ma ngħatatx l-attenzjoni medika hija l-kawża ewlenija ta’ suwiċidji.

Tkellem ukoll id-Deputat Ivan Bartolo, Kelliem għall-ġlieda kontra s-Solitudni  u l-Esklużjoni Soċjali. Hu qal li wara kull wiċċ hemm storja u l-Gvern ma jistax jagħlaq għajnejh għal dawn is-sitwazzjonijiet.

Hu fisser il-weġgħat li jgħaddu dawn in-nies meta jippruvaw jagħmel kuntatt mal-awtoritajiet u jibqgħu mingħajr tweġiba.

“L-infermiera u l-carers jinsabu imbeżża’”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Monte Karmeli jaħrab milli jwieġeb dwar il-kriżi fl-isptar