Internazzjonali

Tfajla Russa tbiċċer lill-maħbub ‘waqt logħba’

Investigaturi fir-Russja żvelaw dettalji ta’ każ xokkanti fejn tfajla Russa, studenta ta’ 21 sena, qatlet lis-sieħeb tagħha waqt ‘logħba tal-imħabba’ u fejn hi, imbagħad, spiċċat tqatta l-katavru f’biċċiet.

Anastasia Onegina qatlet lill-maħbub, Dmitry Sinkevich,  eks pulizija, fl-appartament tagħha f’Oryol, qabel biċċritu b’sikkina kbira. Ingħad li hi qatgħet ras il-raġel, ‘flimkien ma’ riġlejh u wħud mill-iswaba ta’ idejh u saqajh, waqt li anki nittfitu minn ġewwa’.

Hi imbagħad użat il-laned tal-iskart biex tiddisponi minn xi partijiet ta’ ġismu filwaqt li żammet partijiet oħrajn tal-vittma fil-friża. Kien hemm ukoll partijiet tal-ġisem li spiċċaw imdendlin fuq grampuni ġewwa l-appartament ‘daqslikieku f’xi ħanut tal-laħam’.

It-tfajla, għall-bidu, ċaħdet li qatlet lis-sieħeb. Hi sostniet li kienet sabitu mejjet ‘u li wara, iddeċidiet li tqatta l-katavru’ minħabba li beżgħet li tispiċċa akkużata bl-omiċidju tiegħu.

‘Il quddiem, iżda, sar magħruf li Sinkevich ‘kien miet fgat waqt logħba intima li marret żmerċ’, bit-tfajla, imbagħad, tammetti mal-pulizija li hi kienet il-kawża ta’ mewtu.