Futbol Sport

Napoli, Arsenal u Milan jirritornaw fl-azzjoni

Il-finali din is-sena se ssir fi Stokkolma
It-tieni leg programmat għal bħallum ġimgħa

Wara jumejn ta’ logħob mill-UEFA Champions League, fejn spikkat il-qawwa tal-klabbs Ingliżi, illum imiss l-ewwel legs tar-rawnd tal-aħħar 32 tat-tieni kompetizzjoni ewropea, l-Europa League, fejn l-erba’ klabbs Taljani, Napoli, Milan, Atalanta u Lazio, jippruvaw jgħollu l-moral tal-futbol Taljan f’din il-kompetizzjoni, wara li t-tim nazzjonali falla milli jikseb post fil-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja.

Il-leaders tas-Serie A Napoli jilagħbu l-ewwel leg f’darhom kontra l-Ġermaniżi ta’ RB Leipzig, konfront li Napoli jibdew favoriti fih, iżda konfront li jista’ joffri problemi għan-Naplitani, li s-Sibt fil-kampjonat għelbu l-isfida ta’ Lazio 4-1.

Minn naħa tagħhom Lazio jkunu r-Rumanija fejn jiltaqgħu kontra FCSB, li huma l-eks champions ewropej Steaua Bucharest.

Lazio s’issa kellhom staġun mill-aqwa fejn anki jinsabu fis-semifinali tal-Coppa Italia kontra Milan.

Iżda fl-aħħar ġimgħat Lazio daħlu fi kriżi fejn sofrew tliet telfiet konsekuttivi, kontra Milan f’San Siro, kontra Genoa fl-Olimpico u kontra Napoli fi Stadio San Paolo.

Tliet telfiet li rawhom jitilfu t-tielet pożizzjoni li kellhom fis-Serie A, fejn issa nqabżu wkoll minn Inter u r-rivali Roma.

Fil-Bulgarija Milan jiltaqgħu kontra Ludogorets fejn jippruvaw jisfruttaw it-titjib li t-tim immexxi minn Gattuso wera fl-aħħar ġimgħat.

L-aħħar tim Taljan Atalanta, għandu forsi l-iktar impenn iebes meta jiltaqa’ kontra Borussia Dortmund.

L-uniku klabb Ingliż fil-kompetizzjoni Arsenal, m’għandux ifalli kontra Oestersunds.

Fost logħob ieħor interessanti hemm il-konfront bejn Celtic u Zenit St Petersburg, kif ukoll dak bejn Lyon u l-Ispanjoli ta’ Villarreal.

It-Tlieta ntlagħbet il-logħba bejn Red Star Belgrade u CSKA Moscow, logħba li ntemmet fi draw ta’ mingħajr gowls.

Illejla:

FC Astana v Sporting

B. Dortmund v Atalanta

Ludogorets v AC Milan

Marseille v Braga

Nice v Lok. Moscow

Oestersunds v Arsenal

Real Sociedad v Salzburg

Sp. Moscow v Ath. Bilbao

AEK Athens v D. Kyiv

Celtic v Zenit

FCSB v Lazio

Copenhagen v At. Madrid

Lyon v Villarreal

P. Belgrade v Vik. Plzen

Napoli v RB Leipzig