Ir-rapport konklussiv tal-FIAU fih evidenza dettaljata dwar skemi, sistemi, aġir u kollużjoni f’korruzzjoni u ħasil tal-flus fuq skala enormi, minn membru tal-eżekuttiv u uffiċjali pubbliċi oħra fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru – affarijiet li qatt ma rajna bħalhom f’pajjiżna. Il-ġustizzja dwar dan ir-rapport b’rabta mal-Ministru Konrad Mizzi ma tistax tibqa’ tiġi posposta jew evitata. Hu għalhekk li wara l-ewwel analiżi ta’ dan ir-rapport, iddeċidejt li mmur bih għand il-Maġistrat biex jibda l-investigazzjoni fil-konfront tal-Ministru Mizzi, u biex jiġi stabbilit kif u għaliex l-FIAU għażlet li taħbi dan ir-rapport konklussiv.
Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha attenda wkoll l-Avukat Jason Azzopardi. Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, David Casa ħabbar li se jmur jagħmel rikors quddiem il-Maġistrat biex jinfurmah bid-dettalji u l-provi li għandu f’idejh. David Casa qal li r-rapport, minħabba l-konklużjonijiet gravi li fih, prova jinħeba mill-FIAU.
F’Diċembru li għadda, David Casa kien ħabbar li għandu f’idejh rapport konklussiv tal-FIAU, li kien ġie konkluż b’mod definittiv f’Marzu 2017, jiġifieri tliet xhur qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Dan ir-rapport jiffoka b’mod esklussiv fuq il-Ministru Konrad Mizzi, u kif dan ħadem id f’id maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri biex jiftħu kumpaniji biex fihom ipoġġu flus ġejjin minn attivitajiet illeċti. Ir-rapport jikkonkludi li għandha tittieħed azzjoni mill-Pulizija kontra Konrad Mizzi. Dan ir-rapport jinkludi provi estensivi fuq dak li għamel Konrad Mizzi – inkluż statements tal-banek, dettalji tal-ivvjaġġar, eċċ.
David Casa qal li dan ir-rapport – total ta’ 128 paġna – kien qed jiġi studjat minn tim ta’ esperti legali u finanzjarji, u wara li ngħata l-ewwel analiżi minn dan it-tim, ħass li kellu jinforma minnufih lill-Maġistrat. Hawnhekk, hu sostna li mhux qed jistenna biss inkjesta dwar Konrad Mizzi, iżda anke inkjesta biex jiġi stabbilit kif u għaliex l-FIAU ħbiet dan ir-rapport.
L-MEP tal-Partit Nazzjonalista għamel referenza wkoll għal sensiela ta’ gideb tal-Ministru Konrad Mizzi li huma nklużi fir-rapport tal-FIAU, kif ukoll diversi fatti ta’ kif saru “franatic attempts” biex jinħbew l-azzjonijiet li wettaq l-istess Konrad Mizzi. Fost l-oħrajn, ir-rapport jinkludi provi oħra – bħal dati, numri u ismijiet ta’ persuni oħrajn – kif ukoll analiżi tan-negozjati li kien involut fihom il-Ministru Konrad Mizzi, u d-dati ta’ dawn in-negozjati, fosthom il-bejgħ tal-Enemalta. Hu sostna li l-Prim Ministru m’għandux jaħli aktar ħin u għandu jkeċċi lil Konrad Mizzi llum qabel għada.
Minn naħa tiegħu, d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi – li hu l-Avukat ta’ David Casa – spjega l-proċess fil-Qrati Maltin. Hu qal li wara li David Casa jagħmel rikors fil-Qorti, issa, l-Maġistrat jiddeċiedi jekk isejjaħx għal David Casa biex jippreżentalu l-informazzjoni li għandu, u li jekk David Casa jiġi msejjaħ, dan imur minnufih il-Qorti biex jagħti l-provi kollha li għandu taħt ġurament.
Jason Azzopardi qal li hemmhekk, imbagħad, il-Maġistrati jiddeċiedi jekk dik l-informazzjoni hix relevanti għalih jew iridx jgħaddiha għand Maġistrat ieħor.
//= $special ?>