Lokali

Deborah Schembri u Edward Zammit Lewis jingħataw direct orders li jammontaw għal aktar minn €150,000

Dan joħroġ minn mistoqsija parlamentari li għamel id-deputat tal-PN Ryan Callus

Id-deputat Laburista Edward Zammit Lewis u l-ex Segretarju Parlamentari Deborah Schembri ngħataw direct orders li flimkien jammontaw għal aktar minn €150,000.

Deborah Schembri li fl-aħħar elezzjoni ma ġietx eletta fil-Parlament ngħatat direct order ta’ €126,000 mill-Awtorita’ għall-Ippjanar. Direct Order ieħor ingħata lil dak li kien il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u li jammonta għal kważi €25,000. B’dan id-direct order hu nħatar bħala rappreżentant legali tad-Dipartiment tal-Artijiet.

Dawn id-dettalji ħarġu wara l-mistoqsija l-Parlamentari li għamel id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus.

Skont l-informazzjoni li tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra tar-rappreżentanti bejn Diċembru tal-2016 u x-xahar li għadda ngħataw 23 direct order minn numru ta’ entitajiet tal-gvern u li ammontaw għal €769,351.

Deborah Schembri, f’Awwissu tas-sena l-oħra tqabbdet bħala konsulent legali għall-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorita’ għall-Ippjanar. Għal dan ix-xogħol hi tħallset €126,000. Deborah Schembri tqabbdet wkoll biex tagħti servizzi legali mid-Dipartiment tal-Artijiet, dipartiment li kienet responsabbli għalih meta kienet Segretarju Parlamentari, meta ma kienx hemm sejħa għall-applikazzjonijet.

Il-ħatra ta’ Deborah Schembri fid-Dipartiment tal-Artijiet, li qed jingħad li s’sissa għadha ma tħallsitx għaliha, ġiet ikkritikata mid-deputat tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi li akkuża lill-Kap Eżekuttiv tal-Lands, Carlo Cini, li qabbad lil Deborah Schembri bħala grazzi talli kienet ħatritu Kap Eżekuttiv tad-dipartiment.