Sport Sport Ieħor

DRAG RACING: Duncan Micallef se jipprova jiddefendi t-titlu li rebaħ sena ilu

Duncan Micallef

F’dawn l-aħħar jiem, waqt konferenza tal-aħbarijiet, iċ-champion renjanti Tat-Top Fuel Dragster, il-Malti Duncan Micallef ikkonferma li ser jkun qiegħed jerġa’ jikkompeti fil-Kampjonat li rebaħ sena ilu.

Is-sena li għaddiet Micallef rebaħ tliet rawnds konsekuttivi waqt l-FIA European Top Fuel Drag Racing Championships li saru fl-2017 sabiex rebaħ it-titlu ta’ Champion Ewropew.

Waqt il-konferenza Micallef esebixxa l-erba’ trofej li rebaħ matul is-sena 2017, ġest li intogħġob ħafna mill-isponsors tiegħu għax kienu parti mis-suċċes kbir li kiseb.

Micallef spjega li mhijiex faċli għal xi ħadd Malti li m’huwix sewwieq professjonali jikkompeti f’żewġ kampjonati konsekuttivi iżda bl-appoġġ li sab mit-tim, l-isponsors kif ukoll is-sidien tal-karozza għamlu din id-deċiżjoni aktar faċli għalih. Din l-aħbar niżlet tajjeb ukoll ma’ ħafna ammiraturi li jsegwu il-Duncan kemm Maltin kif ukoll barranin.

Dan ifisser li l-impenji internazzjonali ta’ Micallef se jkunu fis-27 u d-29 ta’ Mejju f’Santa Pod fl-Ingilterra u jkomplu bejn is-17 u t-18 ta’ Ġunju fi Tierp Arena fl-Iżvezja, fl-1 u fit-2 ta ‘Lulju f’Alastaro fil-Finlandja, fid-19 u 20 ta’ Awwissu f’Hockenheim il-Ġermanja, fis-26 u fis-27 ta’ Awwissu għal darboħra fi Tierp Arena u l-finali f’Santa Pod fl-Ingilterra li se ssir fid-9 u fl-10 ta’ Settembru. Minbarra dawn is-sitt rawnds Duncan se jkollu żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ barra minn Malta.

L-ewwel dehra għal Duncan bit-Top Fuel Dragster tiegħu din is-sena se tkun fl-ewwel rawnd tal-kampjonat Malti tal-kwart ta’ mil organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Drag Racing f ‘Ħal Far fl-24 u l-25 ta’ Marzu.