Internazzjonali

Il-massakru fl-iskola ta’ Florida (Stati Uniti): L-imputat Nikolas Cruz jammetti….

L-adolexxenti li hu akkużat bil-massakru ta’ nofs il-ġimgħa fi skola ta’ Florida ammetta r-responsabbiltà għall-isparatura li ħalliet 17 il-persuna mejtin — studenti u għalliema.

Dokument tal-qorti qed jgħid li l-imputat, Nikolas Cruz ta’ 19 il-sena, sostna li hu ‘kien mar fuq il-kampus tal-iskola u beda jispara lejn l-istudenti b’arma awtomatika’. Hu imbagħad abbanduna l-arma u ħarab minn fuq il-post.

L-aħħar rapporti qalu li ż-żgħażugħ, li minn dejjem kellu tendenzi vjolenti, seta’ jaħrab mix-xena tar-reat u wara hu kien daħal f’kumpless ta’ Walmart u fi stabbiliment tal-McDonald fl-istess zona tal-iskola. Cruz, eventwalment,  intlemaħ mill-pulizija u spiċċa arrestat proprju siegħa wara li wettaq il-massakru.

L-awtoritajiet fi Florida, intant, huma mħassbin li Cruz, ‘il quddiem,  jista’ jipprova jneħħi ħajtu u ż-żgħażugħ, fil-preżent, jinsab fuq suicide watch.

Cruz, li tressaq il-qorti u li qed jiffaċċja 17-il għadd ta’ akkuża dwar omiċidju premeditat, qal  li fehem x’inhuma d-drittijiet tiegħu bħala imputat meta tkellem quddiem il-Maġistrat Kim Theresa Mollica.

Fil-preżent, l-FBI qed tindaga dwar l-istorja ta’ Cruz waqt li l-qraba u ħbieb tal-istudenti u għalliema maqtula qegħdin iħejju avvenimenti biex iroddu ġieħ lill-vittmi.