Rapport ta’ inkjesta li kienet ilha għaddejja għall-kważi tliet snin, sa mill-2015, jikkonkludi li l-Bord Kunsultattiv maħtur mill-Ministru tal-Familja mhux dejjem ħa deċiżjonijiet fl-aħjar interess tat-tfal. “Il-Partit Nazzjonalista jemmen li fil-liġi u l-politika dwar it-tfal, l-uniku interess fid-deċizjonijiet li jittieħdu għandu jibqa’ dak tat-tfal u tat-tfal biss”, stqarr id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech fir-reazzjoni għar-rapport tal-inkjesta magħmul mill-Imħallef Michael Mallia dwar il-Bord Konsultattiv dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-deputati Nazzjonalisti Claudio Grech, Robert Cutajar u Ivan Bartolo, saret talba biex il-Gvern jerfa’ responsabilita’ għal dawk it-tfal li ġew imċaħħda milli jkollhom trobbija siewja u normali f’familja. Dan filwaqt li sar appell biex jibdew diskussjonijiet dwar dan ir-rapport minnufih fil-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra.
F’dan ir-rapport ħareġ ukoll li kien hemm xi foster carers li ħassewhom intimidati quddiem dan il-Bord Konsultattiv:
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet u Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech qal li l-Oppożizzjoni taqbel mal-konklużjoni ta’ dan ir-rapport li jistqarr li hemm xi deċiżjonijiet mill-Bord Konsultattiv illi setgħu kienu imxaqilba aktar lejn l-interess tal-ġenituri bioloġiċi minflok lejn l-interessi tat-tfal. Claudio Grech qal li dan hu suġġett sensittiv li jitratta l-formazzjoni tat-tfal u li hemm bżonn li l-istat iħares l-interess tat-tfal, hekk kif dawn il-minorenni m’humiex kapaċi jiddefendu lilhom innifishom. Għalhekk dan ir-rapport għandu jispira bidliet fil-liġi.
Claudio Grech appella sabiex b’maturità jinstab l-aktar mod effettiv kif tfal li jkunu qegħdin f’ambjent familjari diffiċli jingħatalhom l-appoġġ kollu meħtieġ. Dan sabiex ma’ jispiċċawx huma wkoll vittmi ta’ ċirkostanzi soċjali li ma’ jaħtux għalihom. “F’każijiet ta’ kustodja dan għandu jiġi kumplimentat b’rispett u rikonoxximent sħiħ tal-foster parents, li jagħtu kontribut bla qies lis-soċjetà. Id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista elenka numru ta’ proposti fosthom li:
· Jingħata bidu għall-proċess intensiv biex tiġi riveduta l-liġi dwar il-ħarsien tat-tfal bl-involviment sħiħ u attiv tal-imsieħba ewlenin kollha.
· Jiddaħħal qafas ta’ miżuri aktar b’saħħithom u effettivi li jirrikonoxxu u jgħinu l-foster parents.
· Jinbidel il-mod kif jinħatru l-Membri tal-Bord skond il-Liġi dwar il-Care Orders.
· Jitwaqqaf servizz ġdid u aktar komprensiv minn dak eżistenti biex il-ġenituri bioloġiċi jingħataw l-appoġġ meħtieġ f’waqtu.
· Jsir dibattitu fil-Parlament dwar il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport.
Minn naħa l-oħra, tkellem ukoll id-Deputat Robert Cutajar, li stqarr li din l-inkjesta mill-Imħallef Michael Mallia ingħatat bidu fl-21 t’Ottubru 2015 waqt seduta Parlamentari. Kompla li hu importanti li wieħed jifhem ukoll li dan il-Gvern waqqaf Att ta’ liġi dwar il-protezzjoni tat-tfal li kellu jidħol fis-seħħ din is-sena, iżda wara insistenza mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista flimkien ma’ numru ta’ stakeholders – il-Gvern se aċċetta li jwaqqaf din il-liġi milli tidħol fis-seħħ.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li r-rapport tal-inkjesta jagħti raġun lill-Oppozizzjoni li għal erba’ snin, b’konsistenza u responsabbiltà, insistiet li l-Gvern jieħu azzjoni fil-konfront tal-Bord Konsultattiv dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ, minħabba l-operat ħażin u t-twettieq irresponsabbli tal-funzjonijiet tiegħu. Fl-istess rapport spikkat ukoll in-nuqqas ta’ rispett li ntwera mill-membri tal-Bord lejn il-foster carers u professjonisti oħra. “In-nuqqas ta’ care orders u l-fatt li liġi dwar il-ħarsien tat-tfal damet aktar minn tliet snin sabiex tressqet fil-Parlament huma xhieda tal-falliment tal-Gvern f’dan il-qasam”, żied jgħid Robert Cutajar. Huwa saħaq li l-Oppożizzjoni qed tistaqsi lill-Gvern min se jerfa’ r-responsabbilità tad-deċiżjonijiet ħżiena li bihom batew tfal vulnerabbli. Sostna li l-Gvern dam tliet snin, rema’ l-emendi tal-Oppożizzjoni, waqqaf kollox u se jressaq liġi oħra.
Id-deputat Ivan Bartolo għamel appell lill-ġenituri ta’ dawn it-tfal li għaddew minn trawma, hekk kif ma hijiex xi ħaġa faċli li wieħed jitrabba f’familja oħra, fejn stqarr li din hi sitwazzjoni diffiċli li għandhom bżonn l-appoġġ tas-soċjeta’. Temm jgħid li hemm bżonn fil-Bord Konsultattiv li jagħti pariri dwar it-trobbija tat-tfal għandu jkun iffurmat min-nies li huma esperti fis-settur u mhux maħtura politikament.
Ivan Bartolo qal li l-ġenituri għandhom sehem prinċipali fit-trobbija tal-ulied u din hija responsabbilità kbira. It-tfal iġorru l-effett tat-trobbija tul ħajjithom kollha. Huwa qal li l-istat ikollu jintervjeni biss u b’daqstant responsabbilità meta t-trobbija mogħtija lill-ulied mill-ġenituri ma tkunx waħda ideali. Huwa temm jgħid li dak kollu li jsir għandu jsir fl-interess tat-tfal.
Estratt mill-konkluzjoni tar-rapport, li juri kif il-Bord xaqleb aktar lejn l-interess tal-ġenituri milli lejn it-tfal:
//= $special ?>