Is-Serbja se jkollha taċċetta l-indipendenza tal-Kosovo – eksprovinċja tagħha – jekk trid li tilħaq l-ambizzjoni biex issir membru tal-Unjoni Ewropea.
Dan meta l-Kosovo ddikjarat l-indipendenza għaxar snin ilu – kważi għaxar snin wara li l-qawwiet tan-NATO kienu bumbardjaw lill-qawwiet Serbi bil-għan li jwaqqfu l-qtil u t-tkeċċija ta’ Albaniżi-etniċi mir-reġjun waqt il-gwerra tal-1998-99.
Intant, il-Ministru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin, Sigmar Gabriel, qal, fi Pristina, li ‘filwaqt li t-tisħiħ tal-liġi tibqa’ kundizzjoni primarja għall-isħubija tas-Serbja fl-UE, id-dispożizzjoni ta’ Belgrad biex jaċċetta l-indipendenza tal-Kosovo tinkwadra wkoll bħala kundizzjoni importanti.’
Gabriel ħareġ b’dan il-kumment sinifikanti waqt konferenza għall-aħbarijiet li hu kien qed jindirizza flimkien mal-Prim Ministru tal-Kosovo, Ramush Haradinaj.
Il-Ministru Ġermaniż insista li din il-kundizzjoni għas-Serbja hi strumentali ħafna ‘fit-triq ta’ dan il-pajjiż lejn l-Ewropa’, u meta hu, aktar qabel, kien wassal l-istess messaġġ lill-Uffiċjali Serbi f’Belgrad.
Sigmar Gabriel għamilha ċara wkoll li l-Ġermanja se tgħin għall-għarfien tal-Kosovo bħala Stat indipendenti min-naħa tal-ħames pajjiżi tal-UE – Spanja, ir-Rumanija, Ċipru, il-Greċja u s-Slovakkja — li għad ma impenjawx ruħhom għal dan.
Is-Serbja qed taħseb biex tissieħeb fl-UE sal-2025. Id-data kienet stabbilita minn Brussell, bl-Unjoni qed taħseb biex iddaħħal aktar pajjiżi mill-Punent tal-Balkani bħala membri.
//= $special ?>

