Internazzjonali

Jinstabu l-fdalijiet ta’ tifla li għebet waqt tieġ

Instabu l-fdalijiet ta’ tifla ta’ disa’ snin li kienet għebet f’zona qalb l-Alpi Franċiżi f’Awwissu li għadda. Intant, eksmilitar bl-isem ta’ Nordahl Lelandais ammetta li kien qatel ‘involontarjament’ lit-tifla, Maelys de Araujo, mingħajr ma pprovda dettalji.
Lelandais qed jikkoopera mal-pulizija wara li nstabu traċċi tad-demm tat-tifla fil-karozza tiegħu.
Maelys de Araujo kienet rappurtata nieqsa waqt riċeviment ta’ tieġ f’Pont-de Beauvoisin, lejn it-Tramuntana ta’ Grenoble. Min-naħa tiegħu, l-ekssuldat qal li kien ‘ħeles mill-katavru tat-tifla’ u – fi kliem il-prosekutur ta’ Grenoble – offra apoloġija lil-ġenituri tagħha. Lelandais, qabel, kien ammetta li t-tifla, fil-fatt, kienet fil-karozza tiegħu fil-lejl meta hi sparixxiet.
L-aħħar darba li ntlemħet ħajja Maelys kienet fis-27 ta’ Awwissu waqt li hi kienet fiz-zona tar-riċeviment riservata għat-tfal u meta Lelandais kien fost il-mistednin għat-tieġ.
Il-pulizija, wara l-għajbien tagħha, interrogat lill-mistednin kollha u sabet l-inkonsistenzi fl-istqarrijiet ta’ Lelandais, li tressqu l-akkużi kontra tiegħu wara li l-pulizija sabet traċċi tad-DNA ta’ Maelys fil-vettura inkwistjoni.