Edukazzjoni Lokali

Aġġornata: Tirreaġixxi t-tmexxija tal-MCAST; L-MUT terġa’ tordna azzjonijiet industrijali għall-edukaturi fl-MCAST

Uffiċjali u membri tal-MUT barra l-bini tal-MCAST (Ritratt: Arkivji)
Se jsir anke strike ta' sagħtejn il-Ħamis u bħallum ġimgħa

Il-Union tal-Għalliema (MUT) ħabbret li se tordna numru ta’ azzjonijiet industrijali għal-lecturers tal-MCAST.

Fi stqarrija ngħad li l-MUT attendiet numru ta’ laqgħat għal rikonċiljazzjoni bejnha u bejn it-tmexxija tal-MCAST u dan wara li t-tmexxija tal-MCAST kienet irtirat mandat ta’ inbizzjoni fil-konfront tal-MUT.

L-azzjonijiet se jidħlu fis-seħħ l-Erbgħa 21 ta’ Frar fejn l-edukaturi fil-livelli kollha tal-MCAST ma jippublikawx jew ma jipprovdux xi tip ta’ riżultat ta’ eżamijiet jew assignments. Se jkunu ordnati wkoll biex ma joffru l-ebda tip ta’ rispons lill-istudenti. Dan minbarra li fit-22 u t-23 ta’ Frar, se jkun ordnat strike ta’ sagħtejn lill-għalliema bejn l-10am u 12pm

L-MUT qed tibqa’ ssostni li min imexxi l-MCAST m’għandu l-ebda intenzjoni li jitratta lill-edukaturi fi ħdan il-kulleġġ bħall-bqija tal-edukaturi f’istituzzjonijiet oħra post sekondarji.

Intant fi stqarrija t-tmexxija tal-MCAST sostniet li dejjem uriet li lesta li tkompli tikkopera mal-MUT biex tinstab soluzzjoni. L-istqarrija tgħid wkoll li l-MCAST temmen li mil-laqgħat li saru sar progress u jekk il-laqgħat ikomplu temmen li jintlaħaq qbil dan filwaqt li ġie rrimarkat li bħala sinjal ta’rieda tajba minn naħa tat-tmexxija tal-MCAST, ġie rtirat il-mandat ta’ inbizzjoni.