Internazzjonali

Miet l-eks-Prim Ministru Olandiż Lubbers

L-eks Prim Ministru, Ruud Lubbers, li dam is-snin protagonista ewlieni tal-Partit Demokristjan tal-Olanda, miet id-dar tiegħu, f’Rotterdam, fl-età ta’ 78 sena.
Lubbers – li serva bħala Prim Ministru mill-aħħar tal-1982 sa Awwissu tal-1994 – kien anki l-iżgħar Prim Ministru Olandiż li qatt ħa l-kariga minbarra li l-aktar li dam jokkupa l-uffiċċju. Hu kien fost il-ftit li spiċċaw onorati bit-titlu ta’ Ministru tal-Istat, mal-irtirar tiegħu.
Ruud Lubbers, li kien ġej minn familja ta’ negozjanti, jibqa’ famuż għall-Ftehim ta’ Wassenaar mal-ażjendi li jħaddmu u l-unions tal-ħaddiema u li jibbaża fuq ‘skambju’ bejn żidiet fis-salarji u ġimgħa ta’ xogħol anqas (bħala medja).
Il-mudell famuż Olandiż għall-governanza ekonomika ‘twieled’ taħt it-tmexxija ta’ Lubbers u fforma l-bażi għal żvilupp ekonomiku sostenibbli fit-tul taż-żmien.
Fil-fatt, uħud qed iqisu lil Lubbers fuq l-istess livell ta’ mexxejja u viżjonarji kbar tal-Ewropa bħall-eks President Franċiż, Francois Mitterrand; l-eks-Kanċillier tal-Ġermanja, Helmut Kohl u l-eks Prim Ministru tar-Renju Unit, Margaret Thatcher.
L-eks-Prim Ministru Olandiż, Jan Peter Balkenende, sadattant, sellem lil Lubbers bħala ‘politiku li ma kienx idur mal-lewża u li kellu istint naturali għal dak li kellu jsir’.