Lokali

Botta u risposta bejn il-President u ta’ qabilha: Appell biex ma jintqalux “ineżattezzi u inkorretezzi”

Botta u risposta bejn il-President u ta’ qabilha hekk kif l-Uffiċju tal-President fi stqarrija qal li filwaqt li għandhom jiġu ċċarati l-impressjonijiet żbaljati li qamu, fl-istess waqt m’għandhomx jintqalu ineżattezzi u inkorretezzi li ma jservu għal xejn ħlief li jostakolaw il-verità.

L-istqarrija ħarġet jumejn wara li fil-Qorti, il-President Emeritus George Abela qajjem dubji dwar it-testimonjanza tal-President Marie-Louise Coleiro Preca fil-Qorti dwar l-inċident ta’ Paqpaqli.

Mingħajr ma saret referenza diretta għat-testimonjanza ta’ George Abela, l-Uffiċju tal-President qal li kien hemm serje ta’ ineżattezzi dwar l-involviment ta’ dan l-uffiċju f’din l-attività.

Fost oħrajn l-istqarrija ssemmi kif il-President ma kellha assolutament l-ebda parti fl-organizzazzjoni ta’ din l-attività. Jintqal biss li filfatt, il-President iltaqgħet f’okkażjoni waħda, f’Lulju 2015, mat-team ta’ Paqpaqli għall-Istrina, meta attendiet parti minn laqgħa iżda ma ħadet l-ebda deċiżjoni sostantiva f’dan ir-rigward.

L-istqarrija żżid li kien ikun irresponsabbli li l-Kap tal-Istat tassumi xi rwol organizzattiv f’Paqpaqli għall-Istrina meta l-Kap tal-Istat ma kellha l-ebda għarfien u kompetenza teknika fil-karozzi.

L-Uffiċju tal-President fakkar ukoll li sitt xhur qabel l-inċident ta’ Paqpaqli, saret bidla importanti fejn inħolqot distinzjoni bejn l-Uffiċju tal-President u l-Malta Community Chest Fund, hekk kif permezz ta’ liġi, din saret fondazzjoni, bl-istqarrija żżid li l-involviment tal-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund fl-attività Paqpaqli għall-Istrina kien strettament limitat għal sapport amministrattiv, endorsement, reklamar u biex tkopri l-ispejjeż marbuta mal-attività.

L-istqarrija fakkret ukoll li għal dan il-każ, il-President irrinunzjat minn jeddha l-immunità Kostituzzjonali tagħha u għażlet li tixhed quddiem il-Qorti biex tippreżenta l-fatti kif tafhom.

L-Uffiċju tal-President temm jgħid li minn meta seħħ dan l-inċident, l-oġġettiv ewlieni kien li jesprimi solidarjetà mal-vittmi u biex jikkopera mal-awtoritajiet ħalli jiġi assigurat li jiġu stabbiliti l-fatti.