Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa, ġie mistieden mill-Maġistrat Aaron Bugeja biex jippreżenta l-provi li għandu taħt ġurament nhar it-Tnejn li ġej fid-9 ta’ filgħodu.
Fi stqarrija b’reazzjoni għal dan l-iżvilupp importanti, l-MEP Casa qal li jemmen li l-ġudikatura hi l-aħħar tama għall-poplu Malti u Għawdxi, għaliex l-istituzzjonijiet l-oħra huma għodda tal-Gvern interessati biss biex jgħattu l-attivitajiet kriminali tal-politiċi li jmexxuhom.
David Casa esprima sodisfazzjon għall-fatt li l-Qorti rreaġixxiet b’mod pożittiv għal dak li qal u żied li lill-Maġistrat se jtih dak kollu li għandu u jgħidlu dak kollu li jaf. Żied li jinsab kunfidenti li b’dak li se jagħmel, il-ġudikatura se tkun tista’ tagħmel dak li, f’ċirkustanzi normali, messu sar mill-Pulizija. Casa żied jgħid li l-FIAU ħeba dan ir-rapport dwar Konrad Mizzi, u sa fejn nafu, qatt ma wasal għand il-Kummissarju tal-Pulizija.
L-MEP żied li madanakollu, hu ovju li l-Kummissarju tal-Pulizija mhux interessat f’attivitajiet kriminali li saru minn nies viċin il-Prim Ministru. Minkejja li l-pubbliku ilu jaf minn Diċembru li għandu dan ir-rapport, ma sar ebda attentat mill-Kummissarju tal-Pulizija biex jakkwista din l-informazzjoni sostna David Casa.
Ilbieraħ filgħodu David Casa ressaq rikors fil-Qorti b’rabta mar-rapport konklussiv tal-FIAU li jsejjaħ biex tittieħed azzjoni mill-Pulizija kontra Konrad Mizzi.
Ir-rapport tal-FIAU kien ġie konkluż f’Marzu 2017. Dan ir-rapport jinkludi dettalji ta’ skemi, sistemi, imġieba u kollużjoni f’korruzzjoni u ħasil ta’ flus li jinvolvu uffiċjali fl-ogħla livelli tal-Gvern Malti.
Nhar it-Tnejn, David Casa se jkun akkumpanjat mill-Avukat Jason Azzopardi.
Intant, b’risposta għal stqarrija li fiha Konrad Mizzi kkritika dik li ddeskriva bħala ‘intimidazzjoni’ minn David Casa, l-MEP wieġeb li qed iwissi li għadu jibda fil-ħidma tiegħu – jekk din il-ħidma tfisser li l-poplu jieqaf jinsteraq il-miljuni mill-bejgħ tal-assi tal-poplu.
https://www.facebook.com/DavidCasaMEP/posts/922953094567546
//= $special ?>