Futbol Sport

FA TROPHY: Balzan jeliminaw lill-ġirien Lija

George Cassar

LIJA ATHLETIC……..1
BALZAN…………………..3

Balzan ikkwalifikaw għas-seminali tal-FA Trophy meta għelbu lill-ġirien Lija Athletic b’differenza ta’ żewġ gowls.

Il-partita dehret li se tkun faċli għal Balzan li skurjaw żewġ gowls fl-ewwel kwarta. Madankollu Lija skurjaw gowl qabel intemmet l-ewwel taqsima u fit-tieni taqsima m’għamluhiex faċli lill-avversarji li kellhom jistennew sa sitt minuti minn tmiem il-partita biex aċċertaw mill-kwalifikazzjoni meta skurjaw it-tielet gowl.

Il-partita kienet ikkontrollata minn uffiċjali Albaniżi li ħadu żewġ deċiżjonijiet diskutibbli li ma tantx niżlu tajjeb mat-tim ta’ Lija.

Balzan fetħu l-iskor ftit wara l-għaxar minuta. Il-gowlkiper ta’ Lija Jonathan Martinelli ħareġ jimblokka x-xutt ta’ Cadù bil-ballun jispiċċa għand LECAÒ li x-xutt tiegħu ntemm fix-xibka wara devjazzjoni ta’ Daniel Scerri.

Tliet minuti wara Balzan irduppjaw meta pass mibrum mix-xellug ta’ Bojan Kaljevic ġab f’pożizzjoni tajba lil Uros LJUBOMIRAC li kompla għal ġewwa.

Minkejja li sofrew żewġ gowls kmieni Lija ma tawx ruħhom b’mirbuħa u qabel intemmet l-ewwel taqsima skurjaw gowl li reġa’ daħħalhom fil-logħba. Michael Johnson laqat il-ballun b’idu u Lija pprotestaw għal penalty iżda r-referì ġġudika li l-azzjoni saret barra l-kaxxa u saffar għal freekick. Mill-istess freekick Aaron SAMMUT skurja direttament biex reġa’ fetaħ il-partita.

Dan il-gowl qawwa qalb il-plejers ta’ Lija li fit-tieni taqsima ħarġu iktar determinati. Il-kowċ Joseph Galea għamel ukoll żewġ bidliet fl-intervall bl-għan li jsaħħaħ it-tim għall-kumplament tal-partita.

Fit-68 minuta kien hemm azzjoni oħra li ġabet diżapprovazzjoni qawwija minn Lija hekk kif il-gowlkiper tagħhom Martinelli ħareġ barra l-kaxxa biex jantiċipa bir-ras lil Cadù biż-żewġ plejers jaħbtu flimkien iżda r-referì ħa deċiżjoni stramba li jammonixxi lill-gowlkiper ta’ Lija.

Sitt minuti mit-tmiem Balzan issiġillaw il-kwalifikazzjoni għas-semifinali sfl-84 minuta meta s-sostitut Siraj Arab ġera tajjeb mal-lemin u fetaħ għan-nofs lejn CADÙ li skurja t-tielet gowl Balzani.

Iż-zewġ timijiet se jerġgħu jiltaqgħu kontra xulxin il-ġimgħa d-dieħla hekk kif nhar is-Sibt tintlagħab il-logħba ta’ bejniethom valida mit-tieni rawnd tal-kampjonat.