Futbol Sport

FA TROPHY: Tliet gowls minn difensuri jitfgħu lil Birkirkara fis-semifinali

George Cassar

QRENDI…………….0
BIRKIRKARA……3

Birkirkara għamlu dak li kien previst meta għelbu lit-tim mill-Ewwel Diviżjoni Qrendi u u għamluha għal mas-semifinalisti tal-FA Trophy.

Il-partita kienet deċiża minn gowls mit-tliet difensuri tagħhom Cain Attard, Nikola Vukanac u Edward Herrera rispettivament.

Il-Karkariżi kienu l-ħin kollu fuq l-attakk bi Qrendi jagħmlu minn kollox biex jillimitaw id-danni f’dik li kienet l-ewwel kwarti tal-finali tal-FA Trophy fl-istorja ta’ dan il-klabb modest.

Għal Qrendi l-iktar li pprova kien il-Ġappuniż Shunsuke Nakamura speċjalment fl-ewwel taqsima u lejn l-aħħar tal-logħba kien sfortunat li laqat ukoll il-mimduda.

Il-plejer tal-mument għal Birkirkara Jake Grech beda bilqiegħda mas-sostituti u daħal wara siegħa.

Fil-lasti beda David Cassar flok il-gowlkiper regolari Kristian Naumovski filwaqt li Cain Attard lagħab fuq in-naħa xellugija tad-difiża flok l-imweġġa’ Kurt Zammit.

Għall-attakkant Montenegrin Ognjen Rolovic din kienet it-tieni logħba konsekuttiva tal-FA Trophy li kien qed jaffaċċja lil Qrendi wara li fir-rawnd ta’ qabel kien lagħab kontrihom bil-flokk ta’ Kerċem Ajax u skurjalhom żewġ gowls f’partita li kienet spiċċat 4-3 favur il-Qrendin.

Qrib l-erbgħin minuta Birkirkara marru qrib meta minn kross ta’ Mislav Andelkovic, it-tentattiv ta’ Waldemar Acosta kien salvat minn sieq il-gowlkiper Julian Azzopardi, b’Carlos Alberto jieħu r-rebound bir-ras iżda l-gowlkiper ta’ Qrendi reġa’ salva.

Birkirkara ċaqilqu l-iskor erba’ minuti qabel intemmet l-ewwel taqsima meta x-xutt minn barra l-kaxxa ta’ Nicola Vukanac kien devjat għal ġewwa mill-iżmarkat Cain ATTARD.

Tal-Istripes irduppjaw għaxar minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima. Minn korner ta’ Srdan Dimitrov, id-daqqa ta’ ras ta’ Nikola VUKANAC spiċċat fix-xibka u l-logħba ngħalqet.

Għoxrin minuta mit-tmiem is-sostitut Jake Grech kellu xutt sabiħ immirat għar-rokna mdawwar f’korner mill-gowlkiper Azzopardi. Ftit wara l-istess plejer kien żmarkat minn Ryan Scicluna iżda kien wisq kunfidenti u rema barra ċans faċli.

Żewġ minuti qabel id-disgħin minuta Birkirkara komplew kabbru l-iskor bit-tielet gowl b’xutt sabiħ ta’ Edward HERRERA mill-kantuniera tal-kaxxa li spiċċa fir-rokna leminija tal-gowlkiper Azzopardi.
Wara li serrħu moħħhom mis-semifinali tal-FA Trophy, issa l-attenzjoni ta’ Birkirkara terġa’ ddur fuq il-kampjonat hekk kif il-ġimgħa d-dieħla jilagħbu kontra t-tim ta’ fuqhom Valletta.