Ekonomija Lokali

FILMAT: Edward Scicluna mħasseb dwar it-tnaqqis fl-investiment

Il-Ministru Edward Scicluna jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis fl-investiment, hekk kif bħalissa, l-investituri qed jistaqsu jekk din hijiex il-Malta li kienu jafu.

Hekk ikkonferma l-Ministru tal-Finanzi stess meta mistoqsi minn Ġurnalista tal-istazzjon internazzjonali Bloomberg, li jitratta s-settur finanzjarju, dwar id-dawl ikrah li tinsab fiha s-Saltna tad-Dritt f’pajjiżna, partikolarment wara l-qtil tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

U meta l-Ġurnalista tal-Bloomberg innotat it-tħassib tal-investituri barranin, issa li pajjiżna bħalissa jinsab f’dan id-dawl ikrah, il-Ministru Scicluna kkonferma li “sfortunatament veru”.

Il-Ministru Edward Scicluna stqarr li issa, il-Gvern qed iwaqqaf Kumitat Nazzjonali li jikkordina l-ħidma tal-Pulizija, l-FIAU, l-MFSA u l-Bank Ċentrali.

B’hekk, il-Gvern qed jara li issa jikkordina kwalunkwe dgħjufija li dawn l-istituzzjonijiet regolatorji seta’ kellhom fil-ħidma tagħhom, ħalli fi kliemu jibdew jaħdmu aħjar flimkien.

Sadanittant, fl-intervista, il-Ministru tal-Finanzi kkonferma wkoll li l-Gvern Laburista m’għandux viżjoni ekonomika fit-tul. Minflok, hu spjega li l-Gvern Laburista hu pragmatiku – jiġifieri ma jagħmilx pjanijiet kbar fejn jidħol l-investiment fit-tul.

Din il-pożizzjoni tħasseb ħafna lil dawk li jsegwu l-andament ekonomiku fil-pajjiż u kif il-Gvern Laburista baqa’ qatt ma introduċa kwalunkwe investiment lokali jew internazzjonali li jħares għall-futur.

Iżda l-Ministru tal-Finanzi ta x’jifhem li din hi strateġija tal-Gvern, tant li ddeskriviha bħala aġir sensibbli u realistiku.