“Jekk il-pazjenti li għandhom bżonn kura fis-saħħa mentali qed jaħarbu mill-Isptar Monte Karmeli, sinjal li hemm xi ħaġa li għandha tiġi indirizzata.”
Hekk iddikjara l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Mediċina (MMSA) Jordy Borg, meta mistoqsi minn NETnews.com.mt, dwar kif l-Assoċjazzjoni qed tħares lejn is-sitwazzjoni preżenti f’dan il-qasam.
Fil-jiem li għaddew, l-MMSA ippubblikat dokument bit-tħassib u r-rakkomandazzjonijiet tagħha meta l-pajjiż qed jiddiskuti din is-sitwazzjoni delikata. Kif spjega Jordy Borg innifsu, id-dokument jinħareġ bil-kunsens tal-membri kollha wara studju li jsir tul numru ta’ xhur.
Il-President tal-MMSA qal li l-awtoritajiet għandhom ikomplu jimmonitorjaw aktar is-servizzi li qed jingħataw, filwaqt li jaraw li pazjent qed jieħu dak li għandu bżonn.
Min-naħa l-oħra, l-Assoċjazzjoni titfa’ wkoll responsabbiltà fuq il-komunità, b’appell biex is-saħħa mentali ma tkunx redikolata.
Dwar iż-żewġ każijiet tal-aħħar jiem, fejn żewġ pazjenti ħarbu mill-Isptar Monte Karmeli b’wieħed minnhom instab bla ħajja jumejn wara, Jordy Borg qal li l-MMSA temmen li r-riżultat tal-investigazzjonijiet għandhom jiċċaraw aktar x’hemm bżonn isir f’dan is-settur.