“Nixtieq infieq imma qed nibża mmur għall-kura”. Dan kien wieħed mill-kummenti fost oħrajn ta’ pazjent li għamel kuntatt mal-kamra tal-aħbarjiet dwar il-kundizzjoni mentali tiegħu u li jbati mid-dipressjoni.
Il-persuna li tkellem magħna xtaq jibqa’ anonimu u qalilna li fl-isptar Monte Karmeli l-affarjiet essenzjali u bażiċi huma nieqsa għal kollox. Ħabba f’hekk l-isptar ħafna drabi jmur lil hinn milli jtik il-kura meħtieġa, għax risorżi m’hemmx.
“Qed nibża mmur għas-sempliċi raġuni li qed nibża’. L-esperjenza tiegħi fl-isptar Monte Karmeli xejn ma kienet pjaċevoli u anzi nħoss li ftit li xejn għamlitli ġid”. Il-pazjent qalilna wkoll li l-psikjatra tiegħu ta’ spiss iħeġġu biex imur l-isptar għall-kura, iżda madanakollu l-biżgħa qed tegħlbu.
It-tobba ma jistgħux ituna attenzjoni
Ir-raġel li tkellem magħna qalilna li fis-seba’ xhur li għamel fl-isptar, minħabba nuqqas ta’ tobba u infermiera, mhux dejjem seta’ jingħata l-attenzjoni sħiħa. “Lanqas setgħu jtuna l-ħin tagħhom. Fl-isptar jinħass li hemm nuqqas ta’ staff, pjutost nuqqas ta’ kollox”.
M’hemmx ambjent li jilqgħak.
Qalilna li persuna b’kundizzjoni ta’ dipressjoni għandu jkollu ambjent madwaru li jilqgħek u li tkun komdu fih madanakollu huwa qalilna li l-ħajja fl-isptar Monte Karmeli mhi xejn viċin din id-deskrizzjoni. Il-pazjent qalilna wkoll li fis-swali jkun hemm riħa kbira ta’ sigaretti, li kienet mhux biss idejjaq lilu imma anke lil dawk li kien hemm madwaru li ma kienux ipejpu. Fis-swali hemm ħġieġ bit-twieqi mkissra u oħrajn li għandhom bżonn manutenzjoni. Huwa qalilna wkoll li mhux biss it-twieqi għandhom bżonn manutenzjoni iżda s-sala kollha li kont ninsab fiha. “Fejn kont jiena fis-sala ‘total loss’ enormi”
L-affarjiet essenzjali u bażiċi huma nieqsa mill-isptar.
Il-pazjent qalilna fix-xhur li għamel l-isptar ħass żgur li hemm nuqqas ukoll fid-distribuzzjoni tal-ikel u kif ukoll fl-għażla tal-ikel. Ħabba dan kollu huwa qalilna li kien imurlu l-aptit li jiekol. “Dejjem l-istess ikel.. tiddejjaq…”.
“Biex ninħaslu l-anqas kien hemm misħun”. Hawn hu qalilna li l-anqas kien ikollu ħeġġa li jżomm lilu nnifsu nadif għax jaf li se jħoss aktar ksieħ meta jmur jinħasel. Fl-isptar hemm nuqqas kbira ta’ dak kollu li hu bażiku, huwa qalilna li fis-sajf m’hemm xejn li jkessaħ l-arja u fix-xitwa viċi-versa, xejn li jsaħħan.
Huwa qalilna li qed jitkellem mill-esperjenza. B’hekk in-nies ikunu jistgħu jifmhu aktar dwar l-istat tal-isptar f’Ħ’Attard. “Nixtieq li tal-anqas issa min hu inkarigat jifhem li hemm ħtieġa essenzjali biex ikun hemm tranġar fis-sitwazzjoni.” Minn kliemu huwa għamel appell biex il-Gvern jagħti aktar każ dan is-settur fil-qasam tas-saħħa.
Nies oħra li tkellmu magħna fl-aħħar jiem esprimew id-dispjaċir għas-sitwazzjoni f’dan l-isptar. Mhux biss partijiet mill-isptar jinsabu f’qagħda gravi, iżda dan l-isptar għandu nuqqasijiet serji ta’ sigurtà tant li fis-swali, fejn jgħixu u jingħataw il-kura dawn il-pazjenti, lanqas biss isib uffiċjali tas-sigurtà l-ħin kollu.
Aktar dwar dan, f’nofs il-ġimgħa li għaddiet il-Kap tal-PN Adrian Delia tkellem fuq il-qagħda fl-isptar Monte Karmeli u insista li l-politika tal-Gvern trid tinbidel u trid tibda tħares dan is-settur kif suppost, għax wara l-ħitan ta’ Monte Karmeli hemm in-nies.
//= $special ?>