Ambjent Lokali

KRIŻI TA’ RIĊIKLAĠĠ: Il-problemi fl-immaniġġjar tal-iskart juru n-nuqqas ta’ rieda tal-Gvern fil-qasam ambjentali

L-iskart riċiklat naqas bi ftit aktar minn 40% fl-2016.

Statistika ppubblikata mill-NSO dwar kif ir-riċiklaġġ tal-iskart naqas b’40% matul is-sena 2016 juri n-nuqqas ta’ rieda u l-inkompetenza tal-Gvern li jitratta b’mod serju l-qasam ambjentali, inkluż l-immaniġġjar tal-iskart.

Fi stqarrija l-PN qal li ċifri ppubblikati mill-Ufficju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-iskart irriċklat naqas b’aktar minn 10% u aktar minn 200,000 tunellata. Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-Kelliem tiegħu għall-Ambjent Jason Azzopardi jinnota li minkejja li l-Gvern żied il-ħaddiema tal-Wasteserv b’mod qawwi l-problema tal-iskart qed tikber u mhux tonqos u bl-istess mod l-immanġġjar tal-iskart mar lura minnflok ‘il quddiem. Dan deher ċar fl-impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant’ Antnin.

Il-PN qal li din l-inkompetenza u n-nuqqas ta’ rieda tal-Gvern tista’ twassal biex l-engineered landfills jintlew aktar malajr milli kif oriġinarjament ippjanat. Flok jintużaw ir-riżorsi kollha fl-aħjar mod u bl-akbar ħarsien tal-ambjent, din in-nuqqas ta’ rieda se tintuża bħala skuża biex isir l-inċineratur fl-Għallis, kif diġà ġie mwiegħed.

Fl-2015 kien hemm 488,000 tunnellata li ġew riċiklati, fis-sena ta’ wara din il-figura waqgħet għal 281,525. Dan l-iskart ħareġ mill-kostruzzjoni, demolizzjoni u skavar. Iżda dwar dan l-NSO ma’ tat l-ebda dettall.

L-iskart f’Malta jiżdied b’5.7%

Skart li jmur fil-miżbla kiber bi ftit għal 278,217 tunnellata minn ftit aktar 276,000 tunnellata mis-sena ta’qabel.

Il-figuri juru kif ħafna mill-iskart ġej mir-residenzi.

Il-figuri juri li madwar 225,000 tunnellata ġew mir-residenzi. Filwaqt li 104,844 tunnellata ġew mill-karozzi li marru għall-iskrepjar. Fl-2016 ukoll 55.3% mill-iskart trattat kien meqjus bħala skart magħmul minn minerali tal-kostruzzjoni, demolizzjoni u kif ukoll xogħol relatat mal-barrieri.

Skart meqjus bħala perikoluż żdied b’87,194 tunnellata mill-2015.

Skont l-istħarriġ jidher li l-iskart trattat fil-pjant ta’ Sant’Antnin żied b’27.6% fl-2016, dan bħala riżultat li bdiet l-għażla tal-iskart miġbur mill-miżbla. Il-Karti, il-metal, il-plastik u l-ħġieġ riċiklatt żdied b’24.3%. Skart mill-private waste managment żdied b’112.4%

Minn din l-istatistika jidher li r-riċiklaġġ f’pajjiżna flok żied fil-popularità, naqas bi kważi 7% akkost li mill-iskejjel u kampanji kien hemm żidha kontinwa fir-reklamar biex dan l-eżerċizzju jikber.

Jista’ jkun li hemm bżonn ta’ leġiżlazzjoni serja dwar din il-materja? Jista’ jkun li hemm bżonn li l-iskart jsir obbligazzjoni f’ċertu setturi biex dan l-esserċizzju jikber? Infatti fuq din il-materja l-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera ilu bosta żmien jgħid li fuq dan qed tiġi mfassla liġi biex ir-riċiklaġġ isir obbligu. S’issa iżda bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbati.

Infatti dwar dan il-PN f’għeluq l-istqarrija tiegħu qal li aktar ma’ nersqu lejn is-sena 2020 aktar qed isir dejjem aktar ċar li dan il-Gvern għadu ‘l bogħod ħafna milli jilħaq il-miri tal-Unjoni Ewropea. In-nuqqas ta’ rieda tal-Gvern toħroġ ċar in-nuqqas ta’ kredenzjali ambjentali ta’ dan il-Gvern.