Lokali

M’hemmx lok għal allarm: Transport Malta tgħid li l-bastiment ma fihx żejt tqil

Il-kuntrattur li ġie mqabbad biex jirkupra l-vapur qiegħed iniżżel fil-baħar apparat biex iżomm iż-żejt li ħareġ mill-basitment Hephaestus iktar kmieni illum.

Fi stqarrija, ufiċjali ta’ Transport Malta u mill-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi ilhom jissorveljaw il-bastiment minn mindu inkalja u qegħdin isegwu s-sitwazzjoni mill-qrib.  Il-bastiment ma fihx żejt tqil u għaldaqstant m’hemmx riskju veru ta’  tniġġiż.  B’referenza għal rapporti li dehru f’mezzi tax-xandir, Transport Malta qalet li l-ilma baħar laħaq xaqq fil-qoxra u ammont ta’ diesel antik ħareġ mill-vapur.  Għalkemm ir-roqgħa żejt tista’ tidher impressjonanti, m’hemmx lok għall-allarm minħabba li ż-żejt se jibqa’ fuq wiċċ l-ilma u se jevapora bil-mod.

L-istqarrija tkompli li l-erba’ metri kubi ta’ fuel baqgħu mhux mittiefsa.  Transport Malta qalet li l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp sfortunatament  qed jagħmluha impossibli li l-vapur jiġi irkuprat għalissa, madanakollu jekk it-tbassir tat-temp jibqa’ kif inhu, il-kuntrattur mistenni jibda jbattal iż-żjut li hemm fuq il-vapur għada.